Inġustizzja jekk il-bdiewa ma jkollhomx leħen fil-PE – Zammit Dimech

Il-Membru tal-Parlament Ewropew (MPE) Francis Zammit Dimech qal li jkun inġust jekk il-bdiewa Maltin ma jkollhomx leħen fil-Parlament Ewropew (PE).
Fi stqarrija, Zammit Dimech spjega li Malta m’għandhiex MEPs fil-Kumitat tal-PE dwar l-Agrikoltura. Qal li għalhekk se jkun qed jiltaqa’ ma’ dawk li huma involuti fl-oqsma tal-biedja u l-agrikoltura biex il-ħsibijiet tagħhom jissemmew fil-PE.
Zammit Dimech qal li dawn il-laqgħat huma importanti peress li sentejn oħra se jibda perjodu ġdid ta’ tqassim ta’ fondi Ewropej għall-bdiewa.
Skont il-MPE dawn il-laqgħat qed isiru għaliex hu xorta għandu influwenza fil-Plenarja tal-PE, il-post fejn jittieħed il-vot finali.
Francis Zammit Dimech ikkritika s-sospensjoni tal-iskema tat-tqassim b’xejn ta’ frott u ħaxix għat-tfal fl-iskejjel Maltin f’Jannar li għadda. L-Ewroparlamentari qal li “it-tfal u saħħithom m’għandhomx jeħlu man-nuqqasijiet amministrattivi tal-Gvern, li qed iwasslu biex it-tfal ma jibbenefikawx minn din l-iskema ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea.”
Fl-istqarrija, il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista Chris Said qal li meta wieħed iqabbel per capita l-għadd ta' raħħala u bdiewa  f’Għawdex  ma’ dawk ta’ Malta, wieħed jirrealizza li f’Għawdex din l-industrija hija ferm ikbar.