“Inġust li tqabbel l-universitajiet anke fuq valuri ambjentali” – Zammit Dimech

Il-Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech qal li kien inġust li l-Prim Ministru qabbel iż-żewġ universitajiet u qal li huma t-tnejn “brillanti” anke fuq valuri ambjentali.
Zammit Dimech spjega fi stqarrija li min-naħa għandek l-Università ta’ Malta li taħdem bis-sħiħ għall-valuri ambjentali u min-naħa l-oħra hemm l-Università Amerikana ta’ Malta (AUM) li se tibni l-kampus tagħha f’art ODZ. Sostna li dan qed isir “ovjament għal raġunijiet spekulattivi”.
Dwar l-AUM, Francis Zammit Dimech qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista qatt ma kien kontra l-iżvilupp tal-edukazzjoni terzjarja f’Malta iżda qal li ċertament l-iżvilupp tal-Università Amewrikana huwa ferm differenti. Saħaq li anke jekk wieħed iqabbel ir-riżultati ta’ din l-Università jinduna li ma kienx proġett għaqli.
Semma kif hu ma kienx sorpriż meta għadd ta’ akkademiċi u studenti esprimew irwieħhom kontra l-kummenti tal-Prim Ministru meta qabbel iż-żewġ Universitajiet bħala żewġ istitutzzjonijiet brillanti filwaqt li qal li eluf ta’ studenti jiddependu mill-Università ta’ Malta u r-reputazzjoni tagħha għandha tiġi salvagwardjata. 

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=SKpdE_Xmh8s]