Ingliż jonfoq €33,000 jiġġieled multa ta’ €112

Raġel Ingliż spiċċa nefaq €33,000 jiġġieled kontra multa ta’ €112 wara li nqabad isuq b’veloċità eċċessiva.

Richard Keedwell ta’ 71 sena qal li għamel tliet snin jiġġieled kontra l-multa u nefaq parti kbira mil-flus li faddal. Dan għamlu għax qal li s-sistema legali hija falluta.

Il-ġurnal The Times irrapporta li r-raġel jemmen li mhux vera kien qed isuq b’35 mil fis-siegħa, f’żona dejn suppost issuq bi 30. Il-każ seħħ f’Novembru tal-2016 f’Worcester. Hu beda jħallas esperti biex jinvestigaw il-każ.

Keedwell qal li kien sorpriż meta rċieva n-notifika. Hu kien qal li ma kellu l-ebda każ xi jwieġeb għalih dwar il-multa. Hu ħallas esperti fil-filmati u fl-elettroniċi. Dawn qalu lill-Qorti li l-kamera kienet bil-ħsara jew inkella ħadet ir-ritratt minħabba karozza li kienet għaddejja fil-karreġjata opposta.

Ir-raġel sostna li bosta persuni li jirċievu multi tat-tip jaqbu u jħallsuhom. Jagħmlu hekk għax jemmnu li la bagħtha l-Gvern mela korretta. Hu qal li qatt ma qala’ ċitazzjoni. Hu tilef l-appell fil-Qorti ta’ Worcester f’Awwissu. Hu saħansitra mess il-flus li kien se jħalli lil uliedu fil-wirt sabiex ikompli jinsisti dwar il-każ.