Aġġornata: Il-PN jgħid li l-Ministru Abela jrid iwarrab wara 3 imwiet ta’ priġjunieri

Aġġornata 12.35
Ix-Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami qal li l-Ministru Carmelo Abela għandu jerfa’ r-responsabiltà politika, wara li dan kien it-tielet każ ta’ mewt ta’ persuna arrestata fi tliet xhur.
Fenech Adami sostna li fl-ebda pajjiż demokratiku ieħor ma jiġri li Ministru jibqa’ jżomm il-pożizzjoni tiegħu fl-isfond ta’ traġedji bħal dawn.
Temm jgħid li l-poplu Malti irrealizza li wara l-kliem ħelu u sabiħ, hemm Ministru tal-Intern li huwa inkompetenti u li tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni.

Aktar kmieni:
Kmieni dalgħodu miet Ingliż ta’ 45 sena li kien qed jinżamm taħt arrest preventiv fl-Isptar Monte Carmeli, wara li pprova jneħħi ħajtu b’idejh.
Minkejja t-tentattivi li saru kemm mit-tim mediku fl-ambulanza kif ukoll fid-Dipartiment tal-Emerġenza, ir-raġel miet fl-Isptar Mater Dei.
Bil-każ ġew infurmati l-Pulizija filwaqt li l-Maġistrat Dr Gabriella Vella ordnat inkjesta.
Il-Ministru għall-Intern ordna wkoll inkjesta interna.