Inġiniera se jispezzjonaw ix-xogħlijiet tal-power station ġdida

Fil-ġranet li ġejjin se jaslu Malta inġiniera barranin mill-kumpanija Gasol biex flimkien ma’ ħaddiema oħra mill-Enemalta jispezzjonaw il-post fejn bdew ix-xogħlijiet sabiex tiġi installata l-power station il-ġdida f’Delimara.
Fil-ġranet li għaddew, waqt il-Konferenza tal-Enerġija li saret f’Malta, il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi kien żvela li beda l-iskavar fis-sit, li huma l-ewwel xogħlijiet relatati mal-power station il-ġdida.
Fil-ġimgħat li għaddew, Newsbook.com.mt kien żvela li Gasol kienet laħqet ftehim ma’ kumpanija Ċiniża sabiex tibnilha impjanti tal-enerġija ġodda.
Mhux eskluż li tkun din il-kumpanija, China Machinery Engineering Corporation li tibni l-power station il-ġdida f’Delimara.
Din il-kumpanija Ċiniża hija kumpanija ġdida miċ-China National Machinery Import & Export Corporation.
Fix-xhur li għaddew, l-ispecial purpose vehicle li nħolqot għall-proġett saret kumpanija bl-isem Electrogas Malta Limited.
Fil-preżent Gasol li hija parti mill-konsorzju ta’ kumpaniji oħrajn fosthom SOCAR tal-Ażerbajġan qed taħdem għall-fondi tal-proġett.
Il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni kien wiegħed li tinbena power station ġdida f’Delimara li tkun taħdem bil-gass LNG biex it-tariffi tad-dawl u l-ilma jorħsu fl-2014 għar-residenzi u fl-2015 għall-industrija.
Il-proġett kollu għandu jiswa mat-€370 miljun.