Ingilterra-Żvezja: Allarm falz, pinet tal-birra u sħana

It-tim nazzjonali Żvediż kellu jiġi evakwat wara allarm falz ta’ nar fil-lukanda fejn kienu qed joqogħdu qabel il-logħba tagħhom kontra l-Ingilterra.

Il-plejers Żvediżi kellhom jitilqu mil-lukanda tagħhom ftit wara t-8.30am, wara li kulħadd kellu jiġi evakwat mill-lukanda u mill-bini tal-madwar.

Huwa maħsub li l-allarm tar minħabba xi ħadd li kien qed ipejjep f’kamra tal-istess lukanda.

Intant illum waranofsinhar l-Ingilterra mistennija tieqaf tara l-logħba tat-Tazza tad-Dinja konta l-Iżvezja fil-kwarti tal-finali.

Billi t-temperaturi fl-Ingilterra mistennija jlaħħqu t-33 grad celcius, dan mistenni jżid il-konsum tal-birra hekk kif huwa stmat li llum se jinxorbu 38 miljun pinta.

Mat-30 miljun Ingliż mistennija jaraw din il-logħba fuq it-televiżjoni.

Studju riċenti wera li kull familja Ingliża tonfoq medja ta’ €280 fi spejjeż marbuta mat-Tazza tad-Dinja.

Il-logħba l-oħra tal-lum tibda fit-8pm bejn ir-Russja u l-Kroazja.