Ingħaqdu mal-Papa spiritwalment la mhux ġej għada – l-Isqfijiet

REUTERS/Yara Nardi

Read in English.

L-Isqfijiet Maltin appellaw lin-nies biex jingħaqdu mal-Papa spiritwalment minflok b’mod fiżiku peress li mhux ġej Malta għada.

Għada kellha tkun l-ewwel ġurnata taż-żjara uffiċjali tal-Papa Franġisku f’Malta, però din tħassret minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Fi stqarrija l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex stiednu lin-nies biex għada fil-Jum Solenni ta’ Għid il-Ħamsin jingħaqdu fit-talb għall-Papa, għall-Knisja, għal Malta, u għad-dinja.

L-Isqfijiet ukoll se jkunu qed jagħmlu dan. L-Isqof Mario Grech se jagħmel dan mis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu llejla fil-5:30 p.m.

L-Arċisqof Charles Scicluna se jagħmel dan mis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna tal-Mellieħa għada fid-9:30 a.m. Dawn il-mumenti ta’ talb se jixxandru fuq TVM2 u l-midja soċjali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex.

L-Isqfijiet qalu li se jitolbu sabiex il-Mulej isawwab fuq in-nies d-doni tal-Ispirtu Qaddis tiegħu u jwassal il-barka tiegħu bis-saħħa fir-ruħ u fil-ġisem.

Fejn kien se jżur il-Papa meta jiġi Malta?

Bosta kienu qed jippruvaw jaqtgħu fejn se jmur il-Papa Franġisku meta jżur Malta. Il-programm finali kien baqa’ qatt ma tħabbar imma hemm tendenza li tiġi segwita f’ħafna żjajjar tal-Papa, u għaldaqstant wieħed jista’ jassumi li din tkun addattata għal Malta wkoll. Fid-dawl ta’ dan kollu, b’rabta wkoll ma’ dak li diġà ntqal, Newsbook.com.mt kien niżżel il-possibilitajiet.

Kellu jifforma wkoll kor apposta għaż-żjara, però issa ħafna persuni se jispiċċaw diżappuntati li mhux se jkunu jistgħu jieħdu sehem b’mod attiv f’din l-okkażjoni storika.

Sat-18 ta’ Marzu l-ogħla awtoritajiet fil-Knisja Maltija kienu għadhom qed jistennew deċiżjoni dwar x’se jsir b’rabta maż-żjara.