“Ingann jekk il-bniedem jaħseb li jista’ jimxi waħdu” – L-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech sostna li huwa ingann jekk il-bniedem jaħseb li jista’ jimxi waħdu. Dan qalu fir-riflessjoni li għamel waqt omelija fis-Santwarju ta’ Pinu flimkien mal-membri tal-Azzjoni Kattolika f’Għawdex.

Hu sostna li l-bniedem għandu bżonn lil Alla u ma jistax jimxi bil-ħiliet naturali tiegħu, bil-kalkoli umani tiegħu, bil-mod kif tirraġuna d-dinja indipendentement minn Alla. Sostna li bniedem huwa ingannat ukoll jekk jaħseb li jista’ jkampa bis-saħħa biss tat-tradizzjonijiet reliġjużi tiegħu. Insista li l-bniedem la jista’ jsib l-identità tiegħu u lanqas jista’ jipproġetta ħajtu jekk Alla ma jkunx il-fundament tiegħu.

L-Isqof Grech staqsa kif jista’ jkun li “preżenza daqshekk kbira ta’ Insara fis-soċjetà ma tħalli ebda impatt.” Sostna li t-twemmin Nisrani ħafna drabi ma jitlaqx minn fuq għal isfel, imma minn isfel għal fuq. Jiġifieri, b’iktar kalkoli u raġunamenti umani milli wieħed jara dak li jrid Alla.

Mons. Grech sostna li ħafna drabi l-bniedem jibża’ jsejjaħ lill-Ispirtu s-Santu għax jissorprendih u jħarbatlu l-iskemi u d-drawwiet tiegħu. Sostna li bħal Nikodemu, l-bnedmin sar għandhom il-pretensjoni li jafu kollox. Għaldaqstant ħeġġeġ lill-Insara sabiex ma jibżgħux ikunu oriġinali fil-mod kif jgħixu d-dixxipulat wara Kristu fid-dinja tal-lum.

Fl-istess okkażjoni, il-Moviment tal-Azzjoni Kattolika f’Għawdex kien qed jagħmel pellegrinaġġ fl-okkażjoni tas-Sena Marjana, kif ukoll jiċċelebra l-Jum ta’ Talb min-nisa Kattoliċi u l-ftuħ tal-Kampanja favur Ambjent Moralment Nadif u b’Saħħtu.