Inġabet b’business jet privat biex tivvota favur id-db Group

Membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li nhar il-Ħamis kienet fost l-10 li vvutaw favur il-proġett ta’ db Group fuq is-sit tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi, waslet Malta fuq business jet li wasal Malta fid-9.30am, tant li daħlet għal-laqgħa ftit tard. Dan qaluh ma’ Newsbook.com.mt sorsi ta’ min jorbot fuqhom. Dawn spjegaw li Jacqueline Gili, li hija Direttriċi fid-Dipartiment tal-Kuntratti fil-Ministeru għall-Finanzi, kienet fuq btala f’Katanja, u ntalbet tiġi Malta għal-laqgħa biex min xtaq li l-proġett ikun approvat, iserraħ rasu min vot ieħor. Kienet l-Awtorità tal-Ippjanar stess li, skont ma qal lil Newsbook.com.mt il-kelliem tagħha, “għamlet l-arranġamenti meħtieġa biex tassigura li l-membri kollha jkunu preżenti għal din il-laqgħa tal-bord”. Il-kelliem issokkta li minħabba li Gili kienet btala mal-familja, flok ma jħallsulha l-btala, irranġawlha biex tiġi għal-laqgħa u terġa’ tmur tkompli l-btala.

Spiża tlaħħaq l-eluf ta’ ewro

Newsbook.com.mt żar siti ta’ ditti li joffru dan is-servizz u anke tkellem ma’ persuni li jużaw l-istess servizzi regolarment għan-negozju. Il-prezzijiet ivarjaw iżda s-sorsi tagħna qalulna li titjira ppjanata fl-aħħar mument minn Sqallija u lura, x’aktarx li tiġik l-eluf ta’ ewro u anke tista’ saħansitra titla’ għal €15,000 f’dan il-perjodu tas-sena.

Meta wasal u telaq il-jet lussuż

Il-business jet li użat Gili huwa tat-tip Beechjet 400A bin-numru tar-reġistrazzjoni OK-ZUB li s-sid tiegħu hija l-kumpanija Queen Air. Dan wasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-ħabta tad-9.30am. Dan wassal biex Gili waslet għal-laqgħa fil-Liċeo tal-Ħamrun għall-ħabta tal-10.45am. Il-laqgħa spiċċat fl-3.37pm u Gili marret sparata lejn l-ajruport biex rikbet l-istess jet li ħalla Malta għal Katanja fis-6.10pm, b’Gili abbord.

Ippruvajna nikkuntattjaw lil Gili

Fi tmiem il-laqgħa nhar il-Ħamis, ġurnalista ta’ Newsbook.com.mt ippruvat tistaqsi lil Jacqueline Gili għaliex waslet tard għal-laqgħa u wara riedet tistaqsiha għaliex ħasset il-ħtieġa li tiġi b’jet privat għal-laqgħa (ARA FILMAT aktar ‘l isfel). Madanakollu l-ġurnalista twaqqfet minn żewġ uffiċjali tas-sigurtà, li saħansitra ma ħallewhiex tersaq lejn il-membru tal-bord.

Ċempilna wkoll lil Gili li qaltilna biex nibagħtu l-mistoqsijiet tagħna lill-Awtorità tal-Ippjanar. Newsbook.com.mt bagħat din il-mistoqsija lill-Awtorità:

“Għażiż Sur Gingell,

Qed nibgħatlek dawn il-mistoqsijiet dwar il-membru tal-bord tal-Awtorità s-Sinjura Jacqueline Gili.

Għaliex ħasset il-ħtieġa li tiġi Malta bi private jet biex tivvota fil-laqgħa li saret nhar il-Ħamis 20 ta’ Settembru u li fiha ġie approvat il-proġett tal-Grupp db?

Nistenna risposta fil-ħin li ġej sal-5pm tal-lejla.”

It-tweġiba, riprodotta hawn fuq, intbagħtet fil-16:55h.

Il-Grupp db se jaqla’ miljuni kbar

B’dan il-permess, il-Grupp db, li ħallas għal din l-art pubblika €15-il miljun b’depożitu ta’ biss €5 miljuni, mistenni li jdaħħal tal-inqas €123 miljun fl-ewwel tliet snin tal-proġett. Studju tal-kumpanija tal-awdituri KPMG hekk kif ikkwotat fil-midja lokali f’Mejju li għadda, jgħid li din iċ-ċifra se tiddaħħal mill-Grupp db mill-bejgħ tal-appartamenti. F’Jannar ta’ din is-sena aġenti tal-propjetà kienu diġà qed ibigħu sulari sħaħ ta’ dan it-torri għall-prezz, meqjus bħala mill-aktar raġonevoli, ta’ bejn €7 u €9 miljun.

Dan ifisser li jekk wieħed ibigħ is-sulari kollha għal dan il-prezz ‘tassew raġonevoli’ idaħħal ħafna aktar milli bassru KPMG – idaħħal mat-€300 miljun. Dan il-bejgħ kien qed isir meta l-permess kien għad fadallu disa’ xhur biex ikun diskuss. Issa li ħareġ il-permess, l-aġenzija tal-propjetà Coldwell Banker qed tirreklama appartamenti ta’ 880 metru kwadru għall-prezz ta’ €7.6 miljuni. Skont l-informazzjoni li hemm fuq is-sit, hemm 99 appartament għall-bejgħ, li jfisser dħul ta’ mill-inqas €752.4 miljun. Dan jissarraf f’50 darba l-prezz li bih il-Grupp db xtara l-art pubblika mingħand il-gvern. Minbarra il-bejgħ tal-propjetà, irid jitqies ukoll l-introjtu li l-investiment se jagħmel permezz tal-Hard Rock Hotel, casino, shopping malls u lido.

Ambjentalment, dan il-proġett qiegħed imiss ma’ sit li huwa ‘Special Area of Conservation’ u li għalih hemm management plan biex il-biodiversità tkun imħarsa. Dan il-proġett jinvolvi skavar massiċċ f’medda ta’ art ta’ madwar 24 tomna. Madwar 1,000 ruħ mistennija li jaħdmu f’dan is-sit b’madwar nofshom ikunu qegħdin dejjem fuq il-post biex ix-xogħol jibqa’ għaddej 24 siegħa.