Inġabar 98,000 tunnellata ta’ skart mormi illegalment f’erba’ snin

Miguela Xuereb

Read in English.

Id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni rċeviet madwar 25,000 ilment f’dawn l-aħħar erba’ snin. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Deo Debattista. L-istess diviżjoni li timpjega madwar 500 ħaddiem, ġabret madwar 98,000 tunnellata ta’ skart mormi illegalment f’erba’ snin.

Waqt diskors li għamel tul il-Konferenza Nazzjonali dwar l-Indafa, il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li hemm bżonn aktar ċentralizzazzjoni fil-funzjonijiet tal-gvern dwar l-indafa. Hu stqarr li hemm żewġ punti ewlenin li jridu jkunu rikonoxxuti; il-livell ta’ kuxjenza dwar iż-żamma tal-indafa fil-pajjiż mill-ġenerazzjonijiet tal-lum u s-separazzjoni mandatorja tal-iskart organiku.

Dwar il-kunsilli lokali, il-Prim Ministru qal li hemm bżonn ta’ iżjed serjetà fejn jidħlu l-kuntratti u faħħar l-introduzzjoni tal-contract maniġer. Stqarr iżda li dan għadu l-bidu u għad hemm bżonn ta’ aktar koperazzjoni minn kulħadd.

Waqt l-istess konferenza, il-Ministru għall-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li tul dawn l-aħħar snin saret ħidma intensiva biex tkompli tiżdied l-edukazzjoni u l-għarfien dwar l-importanza tal-indafa.

Tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis fejn qal li għas-sena d-dieħla hemm allokati madwar €21 miljun għall-ġbir u l-ġarr tal-iskart, għat-tindif tat-toroq urbani u anki dawk mhux urbani u għad-depositu tal-materjal. Stqarr iżda li minkejja l-progress li sar s’issa, fadal diversi diffikultajiet.