Ittieħed foam minn Malta għan-nirien f’Għawdex

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri kkonferma li l-Protezzjoni Ċivili użat foam minn vettura f’Malta biex titfi n-nirien li ħakmu d-dgħajjes fil-Port tal-Imġarr. Fl-inċident li seħħ f’Ġunju inqerdu erba’ jottijiet minn nirien fil-marina tal-Imġarr, Għawdex. Il-vettura apposta kienet stazzjonata fix-Xemxija.

Il-Ministru kien qed iwieġeb għall-mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Chris Said li staqsa jekk kienx veru li f’Għawdex ma kienx hemm biżżejjed foam. Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru spjega li fil-ħames vetturi tat-tifi tan-nar stazzjonati f’Għawdex hemm total ta’ 1,060 litru ta’ foam. Huwa aċċerta lil Said li l-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex kienu mgħammra b’foam apposta meta ġara l-inċident madanakollu qal li fuq il-post marret il-vettura speċjali (foam tender) li tesa’ 5,000 litru.

Huwa spjega li din il-vettura tinsab stazzjonata fix-Xemxija biex tlaħħaq maż-żewġ gżejjer meta n-nirien ikunu meqjusa industrijali jew maġġuri. Spjega wkoll li dan it-trakk jiċċaqlaq biss minn postu meta l-uffiċjal inkarigat mill-inċident iħoss li hemm bżonnu u dan intuża biex jinnewtralizza għalkollox ir-residual flames u pocket fire oħra li kien għad fadal meta wasal fuq il-post. Semma wkoll li f’dawn it-tip ta’ nirien issir foam blanket u dan isir biss meta kollox ikun preparat u mħejji sewwa. Huwa qal dan minħabba li aktarx il-vettura waslet Għawdex wara li għadda ftit tal-ħin mhux ħażin.

Il-Ministru qal li l-vettura speċjalizzata tal-foam inxtrat fl-2017 u sa sakinhar f’Malta kien hawn trakk immodifikat u kien stazzjonat f’Ħal Far.

L-erba’ dgħajjes ittellgħu wara ftit jiem u bħalissa għadhom jinsabu fuq il-moll tal-Port tal-Imġarr.