Infurzar kontra sewqan taħt l-effett tax-xorb għandu jiżdied – D4RS

Read in English.

L-Organizzazzjoni Doctors for Road Safety (D4RS) qalet li Malta għandha żżid l-infurzar tagħha sabiex tindirizza l-periklu li persuna ssuq wara li tkun xorbot xorb alkoħoliku. Id-Doctors for Road Safety qalu dan f’position paper li ppubblikaw dwar dan is-suġġett.

Id-D4RS qalu li Malta qed tkaxkar saqajha dwar din il-kwistjoni u s-suġġeriet li minflok jiżdiedu l-pieni għal dawk li jinqabdu jsuqu taħt l-influwenza tal-alkoħol għandu jiżdied iċ-ċans li wieħed jinqabad.

L-għaqda enfasizzat li għandu jiżdied l-infurzar b’mod aktar regolari u dan jinkludi li l-persuni inkarigati ma jkunux fl-istess postijiet u fl-istess ħinijiet u jiżiedu l-ispezzjonijiet f’postijiet meqjusa li huma ta’ riskju għoli. Żiedu li biex dan ikun jista’ jsir għandu jkun hemm iktar riżorsi fosthom risorsi umani kif ukoll li l-breathalysers ikunu aktar aċċessibbli.

Id-D4RS innotat li fl-2018 saru 165 breathalyser biss kif ukoll li l-liġi fiha diversi nuqqasijiet li jistgħu jwasslu biex persuna permezz ta’ avukat tajjeb ssib mezz kif tuża dawn in-nuqqasijiet għall-vantaġġ tagħha.

Sabiex tindirizza dawn in-nuqqasijiet l-NGO rrakkomandat li l-pulizija u l-gwardjani lokali għandhom jingħataw taħriġ mill-ġdid dwar dawn il-proċeduri sabiex jonqsu n-numri ta’ persuni li jsibu n-nuqqasijiet fil-liġi.

Xufiera li jkunu involuti f’inċidenti serji għandhom jiġu t-testjati

Id-Doctors for Road Safety sostnew li għandu jsir mandatorju li persuna li tkun involuta f’inċident tat-traffiku li jwassal għal ġrieħi serji jew fatali, għandha tagħmel it-test biex jiġi ċċekkjat il-livell tal-alkoħol fid-demm. Żiedu li meta f’inċident jissejħu l-pulizija minħabba li jkun weġġa’ xi ħadd, il-pulizija għandha tagħmel breathalyser lix-xufiera involuti.

L-awtoritajiet qegħdin jaraw kif Transport Malta tista’ tikkontribwixxi sabiex ikun hemm iktar infurzar fil-liġi tas-sewqan u x-xorb fosthom li jiġu installati crash barriers.

D4RS qalet li hemm bżonn li tiżdied iktar il-komunikazzjoni bejn l-entitajiet involuti sabiex jiżdied l-infurzar u dan jinkludi wkoll il-Qorti. Huma spjegaw li din il-komunkazzjoni bejn Transport Malta u l-Qorti twassal biex ikun hemm iktar infurzar tal-liġi u tiġi implimentata.