Infrastructure Malta tonfoq mas-€6,000 fix-xahar għal billboards

Read in English.

Infrastructure Malta (IM) tonfoq ftit inqas minn €6,000 fix-xahar biex tuża’ disa’ billboards biex twassal il-messaġġi tagħha lill-pubbliku. Apparti mill-mijiet ta’ Ewro li tonfoq f’reklamar ieħor, IM nefqet mas €600 biex twaħħal strixxuni fit-telgħa tas-Saqqajja qabel ma’ saret protesta kontra t-tneħħija tas-siġar b’rabta mal-proġett tas-Central Link.

Kelliem għal Infrastructure Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li l-ħidma ta’ IM b’investiment multi-miljunarju fi proġetti fit-toroq u f’infrastruttura oħra f’Malta tirrikjedi komunikazzjoni u konsultazzjoni kontinwa mal-pubbliku.

€5,900 fix-xahar għall-billboards

IM tuża disa’ billboards f’siti fejn ikunu qed isiru proġetti f’toroq ewlenin, bħall-bini mill-ġdid ta’ Triq tal-Balal u ta’ Triq Reġjonali u l-proġett tal-mini tar-roundabout ta’ Santa Luċija, sabiex tgħarraf lil dawk li jużaw it-toroq dwar il-benefiċċji ta’ investimenti bħal dawn.

“Dawn id-disa’ billboards jiswew €5,900 fix-xahar, flimkien ma’ spejjeż oħra li jkunu meħtieġa biex tinbidel l-inċirata tagħhom (bħal meta jiċċartu bil-maltemp jew jiġu vandalizzati) u biex jiġu mċaqilqa minn sit ta’ proġett għal ieħor,“ qal il-kelliem.

IM tikkomunika ma’ “dawk li jużaw l-istess faċilitajiet li jkun qed isir ix-xogħol fihom, residenti u negozji tal-inħawi, awtoritajiet u entitajiet oħra, għaqdiet mhux governattivi u ħafna oħrajn.”

Tabelli f’aktar minn 85 triq residenzjali

IM qalet li tadotta diversi mezzi ta’ komunikazzjoni. Fost dawn il-mezzi, tuża’ billboards u tabelli fl-istess toroq fejn ikun qed isir xi xogħol.

“Dan isir anke skont regolamenti u standards applikabbli għal dan it-tip ta’ xogħol. Dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni jinkludu tabelli żgħar li huma obbligati jużaw il-kuntratturi tat-toroq f’kull post fejn ikunu qed jaħdmu, u li fuqhom ikun hemm dettalji dwar saħħa u sigurtà u dwar kif il-pubbliku jista’ jikkuntattja lil Infrastructure Malta jew lill-kuntratturi tagħha, f’każ ta’ xi diffikultà.”

Skont il-kelliem dawn it-tabelli twaħħlu f’aktar minn 85 triq residenzjali bħala parti mill-investiment ta’ €700 miljun fit-toroq ta’ Malta.

Infrastructure Malta

“Isiru wkoll tabelli u billboards li l-kuntratturi ta’ proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea jkunu obbligati jwaħħlu fis-siti ta’ dawn l-istess proġetti, sabiex jinfurmaw lill-pubbliku dwar is-sehem tal-Unjoni Ewropea fihom. Dawn it-tabelli f’siti ta’ proġetti jkunu inklużi fl-ispiża tal-proġett innifsu, peress li huma obligatorji.”

Skont il-kelliem tabelli bħal dawn jinsabu fis-sit tal-Marsa Junction, tal-proġetti ta’ Triq il-Buqana, ta’ Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, tal-proġett tal-Breakwater tal-Qrejten, il-proġett tal-faċilitajiet għas-sajjieda fil-port tal-Imġarr Għawdex, u ħafna oħrajn.

€600 għal posters qabel il-protesta

F’Lulju, IM użat posters sabiex tavża lill-pubbliku li skont hi mhux veru li s-siġar tat-triq tar-Rabat u t-Telgħa tas-Saqqajja se jinqalgħu. Skont il-kelliem għall-IM, “dan sar wara li ħafna persuni urew it-tħassib tagħhom dwar din l-impressjoni żbaljata li ngħatat f’ċertu komunikazzjonijiet pubbliċi. L-istima ta’ dawn il-posters hija €607.”

Filmat: Persuni jintrabtu mas-sigar bi protesta kontra s-Central Link

Facebook – Roberta Metsola

Il-kelliem qal ukoll li IM tuża “ħafna mezzi oħra” biex tikkomunika mal-pubbliku, inkluż permezz ta’ Facebook u Instagram.

Skont il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg, bejn April u Mejju tal-2019 Infrastructure Malta nefqet aktar minn €25,000 f’reklami. Borg żvela dan l-infieq wara li saritlu mistoqsija parlamentari mill-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi.

Borg qal ukoll li bejn Settembru u Ottubru tal-2018, IM nefqet aktar minn €750 f’reklami fuq Facebook. Borg żvela dan l-infieq wara li saritlu mistoqsija parlamentari mill-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina.

Facebook