Read in English.
15-il NGO tal-ambjent u residenti appellaw fil-Qorti kontra l-permess biex isir il-proġett tas-Central Link. Sostnew li dan huwa appell għall-ambjent, għas-saħħa tar-residenti u għas-sostenibilità; imma l-iżjed appell kontra l-abbuż tas-sistema tal-ippjannar għall-bini. Dan għaliex sostnew li Infrastructure Malta għandha tendenza tmexxi bix-xogħlijiet mingħajr permessi meħtieġa, u b’hekk ebda appell ikun għalxejn, għax il-ħsara tkun diġà saret.
Fi stqarrija mingħand Bicycle Advocacy Group (BAG), ġie spjegat li l-appell huwa kontra l-permess li ngħata għall-proġett tas-Ċentral Link. Dan huwa proġett li se jtejjeb ir-rotta sħiħa bejn il-bypass tal-Imrieħel fid-direzzjoni lejn Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, u jibqa’ sejjer sar-roundabout tat-telgħa tas-Saqqajja, li tgħaqqad flimkien lil Ta’ Qali, Ħ’Attard, ir-Rabat, Ħaż-Żebbuġ u l-Mosta.
Aqra: Central Link: “Erġgħu aħsbuha” – NGOs lill-Gvern u lill-PA
Skont Moviment Graffitti, dan il-proġett se jkun qed jeqred 48,000 metru kwadru ta’ art agrikola, joqtol aktar minn 600 siġra, jiżola 1,200 ruħ u jkeċċi 47 bidwi.
Aqra: Central Link: Il-proġett jiġi approvat
L-istqarrija mingħand BAG spjegat ukoll li kien hemm appell biex ix-xogħlijiet jieqfu. Dan għaliex skonthom, sakemm ġiet ipproċessata t-talba tagħhom, ġew injorati liġijiet ta’ pjannar, prinċipji ta’ sostenibilità u ta’ saħħa tal-pubbliku, kif ukoll sar ħsara potenzjalment irriversabbli lill-binjiet skedati għall-ewwel grad ta’ protezzjoni u binjiet ta’ valur kulturali. Dawn il-binjiet jinkludu l-Akwadott ta’ Wignacourt u l-Kappella tan-Nawfraġju ta’ San Pawl.
Aqra: 47 bidwi affettwati minn proġett tal-Gvern; residenti jappellaw
L-għaqdiet u r-residenti nnutaw li Infrastructure Malta għandha tendenza li tibda x-xogħlijiet mingħajr il-permessi u dokumenti neċessarji billi ssostni l-urġenza tal-proġett, jew konfini oħra ta’ ħin. B’hekk, appell isir għalxejn, għaliex tkun impossibbli biex il-ħsara titranġa.
L-istqarrija ġiet ffirmata minn ENGOs Bicycle Advocacy Group, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Ramblers’ Association of Malta, Green House, Moviment Graffitti, Malta Youth in Agriculture Foundation. Ġiet iffirmata wkoll minn dawn ir-residenti: Ralph Cassar, Malcolm Vella Haber, Edward Mallia, Stephen Pace, Cristino Antonio Scerri, Adrian Mallia, John Camilleri.