Aġġornata: Infrastructure Malta m’għandhiex tħalli pjanti ‘sigrieti’ – l-Ombudsman

Read in English.

L-Ombudsman qal lill-Infrastructure Malta tippubblika l-pjanti ‘sigrieti’ għat-twessigħ ta’ toroq fis-Swieqi, proġett li l-Ombudsman sejjaħlu bħala proġett nazzjonali u ta’ importanza kbira. Aktar tard matul il-ġurnata, Infrastructure Malta wieġbet lill-Ombudsman fejn infurmatu li mhix se tippubblika d-dokumenti iżda se tħalli lill-Awtorità tal-Ippjanar tippubblika d-dokumenti skont il-prassi normali aktar tard.

L-Ombudsman talab biex mill-aktar fiss possibbli, Infrastructure Malta tippubblika dawn id-dokumenti “f’ġieħ it-trasparenza u l-protezzjoni tad-drittijiet ambjentali”. L-Aġenzija tal-Gvern intalbet ukoll biex tosserva l-liġi u fi żmien ġimgħa tinforma lill-Ombudsman x’azzjoni se tittieħed. L-Ombudsman stqarr li mhux ġust li l-pubbliku jingħata biss ftit jiem biex iressaq l-oġġezzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar meta l-pubbliku jista’ jinżamm minn issa aġġornat mill-Aġenzija b’kull progress f’dan il-proġett.

Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fl-Uffiċċju tal-Ombudsman il-Perit Alan Saliba kien qed iwieġeb għat-talba tal-Professur Arnold Cassola li f’Settembru kien talbu rimedju għan-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ dawn il-pjanti. Fl-ittra Cassola kien qal li dan it-twessigħ u tħaffir ta’ mini “jista’ jaffettwa bil-kbir il-kwalità tal-ħajja” tiegħu u ta’ residenti oħra fiż-żona.

Fl-ittra lill-Ombudsman, Infrastructure Malta qaltlu li l-Professur Cassola ma kient talab għall-informazzjoni lill-Aġenzija.

Il-Kummissarju qal li l-Uffiċċju tal-Ombudsman ma aċċettax ir-raġuni mogħtija minn Infrastructure Malta li “dan il-proġett għadu fi stadju bikri, għad m’hemmx dokumenti finalizzati li jistgħu jiġu ppubblikati”. Sostna li din mhix raġuni tajba biex dawn id-dokumenti jibqgħu jinżammu mistura mill-pubbliku. 

Semma kif mill-investigazzjoni li saret jirriżulta li l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet diversi dokumenti finalizzati mingħand Infrastructure Malta tant li dawn id-dokumenti ntużaw mill-istess Awtorità biex tikkonsulta ma’ diversi entitajiet pubbliċi.

Fakkar ukoll li d-dokumenti għand l-Awtorità jwasslu għall-full application li xorta waħda tkun aċċessibli għall-pubbliku, għalkemm mhux f’dan l-istadju.