​“Informazzjoni iktar ċara dwar l-emissjonijiet tal-karozzi” – Dalli

L-MEP Laburista Miriam Dalli qalet li fejn jidħlu l-emissjonijiet tal-karozzi l-għażla għall-Unjoni Ewropea hija waħda ċara.
Qalet li l-UE tista’ tkompli tkaxkar saqajha u tħalli swieq oħra jieħdu l-inizjattiva, jew inkella tibda tħares lejn kif se toħloq aktar effiċjenza u innovazzjoni fil-qasam tal-karozzi.
Miriam Dalli, li mexxiet in-negozjati f’isem il-Parlament Ewropew dwar l-emissjonijiet ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri, ippreżentat abbozz ta’ rapport lill-Kumitat dwar l-Ambjent. Fost l-oħrajn, il-proposti ta’ dan l-abbozz jinkludu tnaqqis ambizzjuż fir-rata ta’ tniġġiż għall-kumpaniji li joħorġu l-karozzi, li issa għandhom inaqqsu r-rata ta’ emissjonijiet b’25% tal-2025, u sa’ 50% sas-sena 2030.
Se jiddaħħlu wkoll miri ġodda għall-karozzi li għandhom rata baxxa ta’ emissjonijiet. L-istess abbozz jipproponi d-dħul ta’ testijiet ta’ tniġġiż, rappurtaġġ mandatorju tal-ħajja ta’ karozza u regoli ġodda għal tabelli ta’ informazzjoni, biex il-konsumaturi jkunu jistgħu iqabblu l-emissjonijiet tal-karozzi differenti b’mod iktar faċli.
Miriam Dalli spjegat li dan se jġib diversi benefiċċji ekonomiċi fosthom tnaqqis fid-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq prodotti importati ta’ żjut u petrol, bil-għan li jkun hemm iktar użu ta’ enerġija u elettriku domestiku.
Qalet li din se toffri wkoll potenzjal biex kumpaniji fl-Ewropa jibdew jipproduċu batteriji tal-karozzi li jkunu favur l-ambjent.
Mil-lat tal-konsumaturi, qalet Miriam Dalli, semmiet kif dawn se jkunu qed iħallsu iktar fil-bidu meta jixtru vettura li tħammeġ inqas, iżda fuq medda ta’ żmien, se jkunu qed iħallsu ħafna inqas biex imantnu l-vettura tagħhom.