Infittxu l-irdoss taħt il-mant ta’ Marija – l-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech ħeġġeġ biex wieħed ifittex l-irdoss taħt il-mant ta’ Marija. Dan qalu waqt li qatta’ nofstanhar ta’ spiriltwalità flimkien mall-Kleru bħala bidu għall-Avvent. Dan sar ġewwa l-Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, fir-Rabat Għawdex. Grech qal li l-irdoss għandna nsibuh taħt il-kappa materna ta’ Marija għax l-imħabba u l-għożża li taf toffrilna hi jiżboq kull tip ta’ serħan u faraġ li tista’ tagħtina xi mara jew ħlejqa oħra.

Hu tkellem dwar ix-xbieha ta’ Marija li qed tagħtina lil Ġesù, li qeda fil-mużajk qabel ma wieħed jidħol mill-bieb il-kbir tas-Santwarju ta’ Pinu. Grech qal li hu interessanti li f’din l-ikona Ġesù għandu idu mqabbda mal-mant ta’ Ommu. Hu żied jgħid li meta jikkummentaw dwar din ix-xbieha, il-monaċi Russi jgħidu li meta fil-ħajja spiritwali tagħna jkollna l-maltemp, huwa importanti li nfittxu kenn taħt il-mant ta’ Marija. Għall-bidu ta’ dan l-Avvent, Grech ħass li kellu jħeġġeġ lil dawk preżenti biex bil-ministeru tagħhom, partikularment bħala konfessuri, jistinkaw biex meta jiltaqgħu ma’ dawk li huma mgħobbija bit-toqol tad-dnub, idaħħluhom taħt il-mant ta’ Marija.

L-Isqof Grech irrakkomanda biex fil-kuntatti personali li jkollna, fil-predikazzjoni, fl-akkumpanjament tal-kuxjenzi u fl-istess ċelebrazzjoni tas-sagrament tal-qrar, inwaqqgħu kliemna fuq Marija,inħeġġu lill-Insara biex jiggranfaw mal-mant ta’ Marija, għax Marija hija l-kenn tal-midinbin.

Fost l-oħrajn, hu semma lill-Santu Wistin li kiteb li Marija hija l-unika tama tal-midinbin u lil San Efrem, li wara li jsejħilha “avukata tal-midinbin”, isellmilha bħala “refuġju u ażil tal-midneb. Huwa wal ukoll li San Bażilju jgħallem li meta tana lil Marija, Alla fetaħ sptar pubbliku fejn jistgħu jfittxu fejqan b’xejn il-morda u l-foqra kollha. Grech tenna biex ma nħallux dawn il-veritajiet dwar Marija, Omm il-maħfra, jaħarbulna! Hu qal li jħoss li dawn huma “ritratti” ta’ Ommna miżmuma fl-arkivju li għandna bżonn naqsmuhom mad-dinja kontemporanja. Hu żied jgħid li huma insights teoloġiċi sbieħ li jagħmlu l-qalb lilna, kemm bħala penitenti u kemm bħala konfessuri; imma fuq kollox isaħħuna fil-konvinzjoni li ma nistgħux nimxu mingħajr l-Omm.

Grech qal li bħax-xbieha li hemm fuq il-bieb ta’ Ta Pinu, Ġesù jinżel mis-Sema minn idejn Marija! U l-bniedem jitla’ għand Alla wkoll minn idejn Marija. Għalhekk, hu rrakkomanda li fil-konfessjonarji titqiegħed xbieha ta’ Marija biex niftakru fil-preżenza tagħha, ma ninsewx insemmuha mal-penitenti, u nitolbuha tieqaf magħna fil-proċess tar-rikonċiljazzjoni. Grech tenna li tkun ħaġa xierqa jekk tul din is-Sena ddedikata lill-Madonna,meta nagħtu l-penitenza jew tewba fil-qrar, nikkunsidraw li nħeġġu devozzjonijiet Marjani varji.