Infiq Gvern: L-iktar fuq protezzjoni soċjali, l-inqas fuq housing

Il-pensjonijiet, iċ-children’s allowance u ċ-child care żammew posthom bħala l-akbar nefqa tal-Gvern bejn l-2012 u l-2016, filwaqt li l-Gvern nefaq l-inqas fuq il-housing u xogħlijiet oħra fil-komunità.
Dan jirriżulta minn statistika ppubblikata mill-NSO li turi kif in-nefqa tal-Gvern naqset b’€39.6 miljun fuq l-2015 biex kienet tammonta għal €3,779.5 miljun.
Fuq il-protezzjoni soċjali, il-Gvern żied in-nefqa tiegħu b’€46.9 miljun għal €1,194.6 miljun.
In-nefqa żdiedet ukoll fis-settur tas-saħħa, l-aktar minħabba s-servizzi offruti fl-isptarijiet u anke fis-settur tal-edukazzjoni.
Minkejja dan, tul l-istess perjodu, naqset in-nefqa tal-Gvern fuq il-Protezzjoni tal-Ambjent. Din in-nefqa naqset bi €86.4.
In-nefqa fuq il-housing u xogħlijiet oħra fil-komunità kienet tammonta għal 0.7% tan-nefqa totali, filwaqt li dik fuq id-difiża kienet tammonta għal 1.6%.