Infermiera u qwiebel mitluba ma jaħslux il-pazjenti f’4 sptarijiet mill-MUMN

Read in English.

L-Union għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qed jintlabu biex fost l-oħrajn ma jaħslux il-pazjenti. Dan ħareġ f’emenda tad-direttivi maħruġa mill-union għall-infermiera u l-qwiebel li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Monte Karmeli.

Il-President tal-union, Paul Pace, ilbieraħ ħabbar sett ta’ ħames direttivi oħra emendati. Il-membri tal-union li jaħdmu f’dawn l-erba’ sptarijiet qed jintalbu:

  • Biex ma jaħslu l-ebda pazjent.
  • Biex ma jgħinux fil-ġarr ta’ pazjenti minn u lejn is-sodod.
  • Biex ma jakkumpanjawx lill-pazjenti minn u lejn X-rays, teatri, outpatients eċċ.
  • Biex jimlew biss formoli li jridu jimtlew mill-infermiera u l-qwiebel, jiġifieri n-nursing report, treatment charts, isir iċ-charting, il-monitoraġġ tal-glukożju fid-demm, u l-monitoraġġ tat-TPR u l-SPO2. Ma għandhom jimlew l-ebda formola oħra.
  • Erba’ teatri biss għandhom jintużaw għall-operazzjonijiet ta’ emerġenza u elettivi. L-infermiera kollha għandhom jibqgħu fit-teatri u għall-ebda raġuni ma għandhom joħorġu minn hemm. Il-kirurġija elettiva kollha għandha titwaqqaf.