Infermiera ma tingħatax allowance meta ssiefer ma’ bintha għal trattament

L-Ombudsman jissuġġerilha tressaq il-każ il-qorti

Infermiera lmentat li l-allowance li tingħata lill-infermiera li jakkumpanjaw lill-pazjenti għal trattament barra minn Malta lilha ma ngħatatilhiex meta hi akkumpanjat lil bintha għal dan bħala infermiera. Akkumpanjat lil bintha barra minn Malta 25 darba f’16-il sena.

Il-Kumitat responsabbli għat-Trattament barra minn Malta rrifjuta li jagħtiha din l-allowance għaliex argumenta li l-infermiera m’għandhomx jakkumpanjaw lill-qraba immedjati tagħhom minħabba li dan l-aġir imur kontra l-etika medika. Dan l-ilment ħareġ mill-każijiet qosra mressqin quddiem l-Uffiċċju tal-Ombudsman fl-2019.

“Kieku ħaddieħor kien jitħallas”

Meta mistoqsi mill-Ombudsman, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Saħħa spjega li l-infermiera naqset milli tirreġistra sabiex tkun infermiera li takkumpanja lill-pazjenti barra minn Malta, b’hekk kienet qed takkumpanja lil bintha bħala omm u mhux bħala infermiera.

Madankollu, il-Kummissarju għas-Saħħa fiehem li din il-persuna ma kinitx interessata tirreġistra biex takkumpanja pazjenti oħra, peress li bintha teħtieġ attenzjoni l-ħin kollu, fosthom peress li ma tistax titkellem. L-ilmentatriċi sostniet illi li kieku hi ma kinitx infermiera kwalifikata, id-Dipartiment kien ikollu jibgħat infermiera u dan kien ikun ifisser għad-Dipartiment spiża addizzjonali jiġifieri titjira, trasport u akkomodazzjoni.

Ebda linji gwida

Wara li dehret quddiem dan il-Kumitat, huwa għarrafha illi b’mod unanimu kien ġie deċiż illi hi ma setgħetx titqies bħala official medical escort tat-tifla tagħha. Il-Kumitat qal li din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq etiċi mediċi. Ladarba kemm id-Dipartiment tas-Saħħa kif ukoll il-Kumitat għat-Trattament barra minn Malta semmew il-kwistjonijiet etiċi, l-Kummissarju għas-Saħħa talab il-parir tal-Kunsill Mediku. Il-Kunsill Mediku ikkonferma illi ma kien hemm ebda linji gwida uffiċjali tal-Kunsill dwar it-trattament ta’ qraba immedjati minn professjonisti mediċi. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-Kunsill għall-Infermiera u l-Qwiebel.

Il-Kummissarju għas-Saħħa fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman għaldaqstant ikkonkluda li l-infermiera kienet ġiet awtorizzata takkumpanja lil bintha, iżda mhux bħala infermiera, imma bħala ommha. Huwa kkonkluda li din kienet kwistjoni ta’ ħlas min-naħa tad-Dipartiment tas-Saħħa.

Deċiżjoni bla bażi

Semma wkoll kif il-Kumitat għat-Trattament barra minn Malta ma kienx il-kunsill adekwat biex jieħu deċiżjoni bħal din, imma din kellha tittieħed mill-Kunsill Mediku u mill-Kunsill għall-Infermiera u l-Qwiebel. Id-deċiżjoni tiegħu, qal il-Kummissarju, kienet bla bażi. Madankollu, iż-żewġ kunsilli ma kkommettewx ruħhom f’dan ir-rigward, tant li l-qwiebel jitħallew iwelldu trabi ta’ qraba tagħhom u l-kirurgi jitħallew joperaw fuq il-qraba tagħhom.

Il-Kummissarju rrakkomanda li l-ilmentatriċi għandha tingħata l-flus dovuti lilha, kemm għad-drabi passati li akkumpanjat lil bintha, u anke għad-drabi fil-ġejjieni. Ladarba l-Ministeru tas-Saħħa rrifjuta li jagħmel dan, l-infermiera ngħatat ir-rakkomandazzjoni li tressaq il-każ tagħha l-qorti.