Infermiera attakkata minn qraba ta’ pazjent

Read in English.

Infermiera sfat attakkata minn qraba ta’ pazjent waqt li kienet qiegħda fuq xogħol. L-infermiera kienet parti mit-tim tal-emerġenza f’ambulanza li ssejħet fuq il-post, fil-1 ta’ Novembru li għadda.

L-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ikkundannat l-aggressjoni fuq l-infermiera filwaqt li sostniet li l-inċident ma eskalax minħabba l-intervent f’waqtu tal-ġirien li pproteġew lill-infermiera minn abbuż fiżiku u verbali. L-Union saħqet li dawn l-inċidenti huma komuni fid-dipartiment tal-Emerġenza.

Esprimiet it-tama li fil-jiem li ġejjin il-Pulizija tarresta u tressaq l-aggressur. Żiedet tgħid li qed tistenna l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u l-awtoritajiet ikkonċernati jikkundannaw dan l-inċident.

Nuqqas ta’ polza ta’ assigurazzjoni

L-MUMN saħqet li l-membri tagħha għadhom bla polza ta’ assigurazzjoni minkejja ħidma ta’ diversi xhur. L-Union qed tisħaq fuq polza ta’ assigurazzjoni simili għal dik li Ministru tal-Intern ta lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u lill-ħaddiema tal-ħabs.

Dan minkejja li ntlaħaq ftehim bejn l-MUMN u d-Dipartiment tas-Saħħa biex l-infermiera tal-Emerġenza u dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali jkollhom waħda simili.

L-MUMN saħqet li jekk sat-8 ta’ Novembru ma tirċievi l-ebda dokument uffiċjali dwar il-polza ta’ assigurazzjoni għall-infermiera tad-Dipartiment tal-Emerġenza u dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali, se jingħata bidu għal numru ta’ direttivi.

Id-direttivi jistgħu jinkludu li l-infermiera li jaħdmu fl-Emerġenza jieqfu jinvolvu ruħhom u jagħtu servizz fiż-żona 3 u MCC. Jekk il-kwistjoni tibqa’ teskala, l-infermiera se jaħdmu biss miż-żona numru 1. L-aħħar direttiva hi li l-infermiera se jkunu qed jagħtu l-istruzzjonijiet lix-xufier tal-ambulanza biex ma jsuqx iktar mil-limitu stipulat mil-liġi.