Infermier akkużat li stupra mara diversi drabi

Read in English.

Infermier ta’ 36 sena nżamm arrestat wara li ġie akkużat li stupra mara għal diversi drabi. Huwa wieġeb li mhux ħati.

Fil-Qorti llum nstema’ kif ir-raġel mill-Pakistan ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 10 snin. Skont l-avukat tiegħu għandu kondotta nadifa.

L-avukat tad-difiża argumenta fl-awla li dan il-każ ma ġiex investigat kif suppost. Qal li l-Pulizija l-ewwel titfa’ t-tajn imbagħad tinvestiga wara. Min-naħa l-oħra l-prosekuzzjoni qalet li kien l-avukat li qed jitfa’ t-tajn mingħajr ma jaf l-istorja sħiħa.

Skont il-prosekuzzjoni hija ħaġa ta’ tabu għal persuna mill-Pakistan biex ikollha x’taqsam sesswalment ma’ persuna oħra jekk mhumiex miżżewġin. L-avukat tad-difiża qal li din il-mentalità kienet tinstab fil-Pakistan 70 sena ilu, bħal ma kienet tinstab f’Malta.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-allegata vittma kellha tmur għand psikjatra minħabba li kienet qed tiġi stuprata. Sabet il-kuraġġ tirrapporta l-istupru grazzi għall-għajnuna tal-psikjatra.

Id-difiża talbet biex ikun hemm divjet fuq l-isem l-akkużat peress li l-investigazzjoni saret f’inqas minn 48 siegħa, peress li għandu t-tfal, u għall-protezzjoni tal-vittma. Il-Qorti ma laqgħetx it-talba peress li qalet li l-argumenti ma kellhomx bażi legali.