“Ineżattezzi mill-Università dwar l-eżamijiet” – GĦSL

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Għaqda Studenti tal-Liġi wieġbet għal dawk li sejħet bħala “ineżattezzi fattwali” mill-Università fi stqarrija li ħarġet is-Sibt li għadda. L-GĦSL kienet għal dawn l-aħħar ġranet toħroġ stqarrijiet favur assessjar li jsir b’assignments flok eżamijiet minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija tal-coronavirus.

Minkejja li l-Università qalet li l-maġġoranza tal-assessjar fil-kors tal-liġi se jsir b’assignments, l-istudenti qed jgħidu li nofs il-korsijiet se jsiru permezz ta’ eżami fid-dar. Huma qalu li mis-snin kollha tal-kors tal-liġi rriżulta li 16 minn 31 eżami inbidlu għal eżami fid-dar, 7 eżamijiet inbidlu għal assignments u għadu mhux magħruf x’se jiġri fil-każ ta’ 8 eżamijiet oħra.

L-Università tgħid li l-maġġoranza tal-korsijiet tal-Liġi se jkunu b’assignment u mhux b’eżami
L-istudenti tal-GĦSL bi stqarrija prematura – l-Università

Sors qrib l-Università qal lil Newsbook.com.mt li jekk it-talba tal-istudenti kienet se tiġi aċċettata, l-assignments għal korsijiet speċifiċi ta’ 10ECTS kien irid ikollhom tal-inqas 10,000 kelma. Fi kliem is-sors ta’ Newsbook.com.mt din kienet tkun kawża ta’ aktar ansjetà fost l-istudenti peress li t-tul ta’ assignment wieħed kien ikun iqarreb lejn dak ta’ teżi.

L-istudenti tal-liġi qalu wkoll li ma jistgħux jifhmu lill-Fakultà kif il-lecturers tħallew jibdlu l-metodu tal-assessjar mingħajr raġuni. Minħabba dan, huma appellaw lill-Kapijiet tad-Dipartimenti biex jagħmlu deċiżjonijiet b’uniformità u bbilanċjati.

Fl-istess waqt huma appellaw lill-Fakultà tal-Liġi biex fejn hu possibbli żżomm il-metodi tradizzjonali ta’ assessjar minflok tadotta metodi li qatt ma ġew ittestajti. Huma spjegaw li dan sabiex titħarres is-saħħa mentali tal-istudenti u biex l-istudenti jiġu ttestjati akkademikament b’mod ġust.

Dwar l-istqarrija tal-Università li ma ssejjaħx vot waqt il-Bord tal-Fakultà, l-istudenti qalu li dan mhux minnu għax qalu li filwaqt li l-membri tal-Bord irreġistraw il-vot tagħhom, ir-rappreżentanti tal-istudenti ma tħallewx jagħmlu dan.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn