Indja: Tifla ta’ sentejn fil-periklu tal-mewt wara li ġiet stuprata

Tifla Indjana ta’ sentejn tista’ titlef ħajjitha wara li ġiet abbużata sesswalment fil-belt ta’ Ludhiana fl-istat ta’ Punjab.

Il-każ ġara lbieraħ meta t-tifla kienet rieqda fid-dar tal-ġenituri tagħha u xi ħadd daħal fid-dar u ħatafha. Fis-sagħtejn ta’ filgħodu missierha nduna li bintu mhix fil-kamra u kien dak il-ħin li rrapporta lill-pulizija.

Bħalissa qed jiġu investigati diversi persuni imma l-ikbar suspetti waqgħu fuq żewġ irġiel li wieħed minnhom għandu 80 sena.

Wara li ġiet abbużata, l-aggressuri abbandunaw lit-tifla f’ġenb tat-triq. Raġel li kien għaddej mill-inħawi nduna bit-tifla, ċempel lill-pulizija u ħadha l-isptar. 

Skont it-tobba, it-tifla tinsab f’kundizzjoni gravi u qiegħda fil-periklu tal-mewt.

Missier it-tifla qed jallega wkoll li mid-dar insterqu madwar €95.

Mal-pajjiż kollu bħalissa għaddejjin għadd ta’ protesti kontra abbuż fuq in-nisa wara li ħamest irġiel Indjani qed jiġu akkużati bi stupru u qtil ta’ tfajla ta’ 23 sena.

Statistika turi li fl-Indja ikun hemm każ ta’ stupru kull 21 minuta, iżda organizazzjonijiet mhux governattivi jaħsbu li l-ammont huwa ferm ikbar.