Indja: Aktar minn 1,000 persuna jinqabdu fuq ferrovija minħabba għargħar

L-awtoritajiet Indjani salvaw 1,050 persuna, inkluż disa’ nisa tqal, li sfaw maqbuda fuq ferrovija wara li spiċċat iżolata minħabba għargħar viċin Mumbai.

Diversi ħelikopters, dgħajjes u għaddasa ssejħu mill-awtoritajiet Indjani wara li l-ferrovija spiċċat maqbuda tard il-Ġimgħa filgħaxija viċin il-belt ta’ Vangani. Il-passiġġieri qalu li ġew ordnati biex jibqgħu abbord il-ferrovija u kellhom joqgħodu għal 15-il siegħa mingħajr ikel u xorb.

L-awtoritajiet għamlu kamp temoranju viċin is-sit fejn inqabdet il-ferrovija biex ikunu jistgħu jagħtu l-assistenza medika lil dawk maqbuda sakemm jirkupraw.

S’issa 600 persuna tilfu ħajjithom kawża ta’ ġimgħat ta’ għargħar fin-Nofsinhar tal-Ażja.