Indissolubilità taż-żwieġ imma wkoll rikonċiljazzjoni – Is-Sinodu

Il-Knisja trid tibqa’ tinsisti fuq l-indissolubilità u l-vokazzjoni taż-żwieġ imma fl-istess ħin trid li jkun hemm rikonċiljazzjoni ma’ min qed jgħix fi żwieġ ieħor.
Dan hu wieħed mill-punti l-iktar diffiċli li fuqhom qed issir diskussjoni fis-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja, kif ġie spjegat fil-konferenza tal-aħbarijiet dwar l-aħħar żewġ sessjonijiet tas-Sinodu.
Dikjarazzjoni oħra kienet li l-Knisja trid tifhem lil persuni omosesswali u tweġibhom b’mod pastorali, filwaqt li tinsisti li huma prezzjużi għaliha.
Kien hemm enfasi wkoll fuq x’inhu l-effett tal-istil ta’ ħajja fuq tfal ta’ koppji divorzjati li jgħixu ma’ persuni oħra, u ta’ koppji omosesswali, u allura x’għajnuna għandha tingħata min-naħa tal-Knisja.
Fl-istess ħin, il-Knisja trid tagħmilha ċara li ma tridx tirrifjuta s-Sagramenti lil tfal minkejja li l-ġenituri tagħhom jistgħu jkunu f’sitwazzjoni “irregolari”.
Din kienet l-ewwel konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħadu sehem tliet lajċi – koppja miżżewġa mill-Istati Uniti, li jippromwovu l-ippjanar naturali tal-familja, u mara mil-Libanu.
Fl-aħħar żewġ sessjonijiet, is-Sinodu ddiskuta l-forzi esterni u l-isfidi li jolqtu ż-żwieġ, fi klima deskritta bħala “miftuħa bi djalogu ġdid”.
Fost il-punti msemmija: il-fidi fl-unjoni familjari, l-aċċess għall-Ewkaristija, ir-responsabiltà tal-ġenituri fl-edukazzjoni tal-ulied, u l-importanza tal-ulied fil-familja.
Saret diskussjoni wkoll dwar it-tħejjija xierqa meħtieġa għall-koppji li jkunu qed iħejju għaż-żwieġ, imma wkoll għas-saċerdoti u s-seminaristi.
Ma naqsitx id-diskussjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-proċeduri tat-tribunali ekkleżjastiċi madwar id-dinja, biex dawn ikollhom linji-gwida universali fil-mod ta’ kif iqisu jekk żwieġ hux validu jew le.
Sar ukoll appell qawwi biex wieħed ikun responsabbli kontra l-“manipulazzjoni tal-ġenerazzjonijiet” fosthom dwar il-fekondazzjoni artifiċċjali.