Indirizzati aħjar il-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabilità

Dan l-aħħar kien hemm reviżjoni fl-Iskema tad-Diżabilità li għandha l-Awtorità tad-Djar bil-għan li tindirizza aħjar il-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabilità.

L-iskema hija l-ewwel minn serje ta’ reviżjonijiet ta’ ‘policies’ li qed titwettaq mill-Awtorità tad-Djar bħala parti minn Memorandum of Understanding iffirmat bejn l-Awtorità u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) is-sena li għaddiet.

Minbarra r-reviżjoni ta’ ‘policies’, l-MOU jiddikjara wkoll li s-CRPD fuq bażi annwali tipprovdi taħriġ dwar l-ugwaljanza tad-diżabilità lill-membri tal-istaff tal-Awtorità tad-Djar.

“Bħala r-regolatur nazzjonali tas-settur tad-diżabilità f’Malta, is-CRPD għandha pjaċir tikkollabora mal-Awtorità tad-Djar u tfaħħar l-impenn tagħha biex ittejjeb il-ħajja ta’ persuni b’diżabilità f’Malta. Din hija miżura proattiva li tmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ mil-liġi u taħdem biex tissensibilizza u temenda ‘policies’ sabiex il-‘housing’ ikun aċċessibbli minn kulħadd, ”qal il-Kummissarju tas-CRPD Oliver Scicluna.

Emendi għall-Iskema tad-Diżabilità jinkludu ż-żieda fl-għotja minn €5,000 għal €7,000 għal lifts fi blokok ta’ appartamenti privati fejn hemm persuna b’diżabilità.

Fi djar privati, l-għotja massima għal stallazzjoni ta’ lift f’dar privata żdiedet minn €15,000 għal €20,000.

Miżuri oħrajn għandhom x’jaqsmu mat-tneħħija tal-klawsola li kienet tgħid li l-valur tal-propjetà li għaliha saret l-applikazzjoni m’għandux ikun aktar minn €250,000. Il-limitu tal-assi kapitali tal-applikant żdied ukoll minn €30,000 għal €150,000.

Kien hemm ukoll bidla fid-dħul tal-applikanti b’rabta mal-eliġibilità tal-għotja, bl-għajnuna ta’ 100 fil-mija titla’ minn €15,000 għal €25,000.

Minbarra l-MOU, is-CRPD tirrevedi wkoll l-applikazzjonijiet kollha sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex tassessja l-aċċessibilità tagħhom. L-iżviluppatur huwa meħtieġ li jikseb ċertifikat mis-CRPD li jkun jiddikjara li l-pjanti huma konformi, qabel l-Awtorità tal-Ippjanar toħroġ Compliance Certificate li jippermetti l-istallazzjoni tal-ilma u l-elettriku fl-iżvilupp. Is-CRPD tipprovdi wkoll servizz ta’ konsultazzjoni kull ġimgħa fl-uffiċċji tal-Awtorità tal-Ippjanar, fejn espert tekniku tas-CRPD jipprovdi pariri rigward l-aċċessibilità fiżika għal dawk li qegħdin fil-proċess li jissottomettu applikazzjonijiet għall-iżvilupp.

Barra dan, is-sajf li għadda tħabbru b’mod formali l-Istandards tal-Aċċessibbiltà għal Kulħadd fir-Regolamenti tal-Ambjent Mibni. Dawn l-istandards kienu mejqusin bħala Standard Nazzjonali Maltin adottati mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur fejn kienu daħlu fis-seħħ wara l-pubblikazzjoni ta’ Avviż fl-10 ta’ April 2015, iżda issa ġew trasposti direttament fil-Liġi Maltija.