Indiċi Korruzzjoni: “Malta kemm kemm tkaxkret”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li Malta kemm kemm tkaxkret fl-aħħar eżami dwar il-korruzzjoni, fejn qal li għall-ewwel darba kemm ilu jsir l-istħarriġ ta’ Transparency International, Malta kisbet l-agħar post li qatt kienet fih, il-51 post.

Delia qal li dan seħħ għax Malta qed tkun assoċjata ma’ pajjiżi li fihom jirrenja despotiżmu fosthom l-Brunej u l-Irwanda. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Malta tinsab 15–il punt inqas mill-medja Ewropea.

Delia kien qed jitkellem fid-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li jimplimenta l-miżuri tal-estimi finanzjarji għal din is-sena. Huwa qal li d-demokrazija lanqas mhu qed tiġi aġġevolata mill-istituzzjonijiet li suppost iħarsuha. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista hawn semma lill-Avukat Ġenerali fejn qal li dan flok ipproteġa l-interess nazzjonali qed jiddefendi lill-Prim Ministru. Semma wkoll lill-Parlament li skont Delia, mhux qed iħares id-drittijiet tal-minoranza.

Gvern tal-Big Business

Dwar is-surplus, Delia qal li dan ġej mit-taxxi u l-iskema tal-bejgħ ta’ ċittadinanza. Kompla jgħid li mhux korrett il-Gvern meta jgħid li hu favur il-business għax il-Gvern Laburista hu biss favur il-big business. Hawn semma l-każ ta’ Paceville u tal-Corinthia fejn il-proġetti qed isiru fuq il-karta ferm qabel ma jkun lest il-master plan.

Delia staqsa jekk dan il-gvern kellux l-prvileġġ jew l-abbiltà li juża l-fondi Ewropej fl-ammont ta’ €100 miljun u stqarr li madanakollu mhux se jkun kapaċi jikseb l-istess li ġab f’fondi il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.