Indiċi finanzjarji jibdew jirkupraw

L-indiċi finanzjarji madwar id-dinja bdew jirkupraw dak li tilfu fl-aħħar ġimgħat.
Is-swieq Amerikani rkupraw parti sew. Is-swieq Ewropej għadhom ftit lura minn fejn kienu xi ġimgħat ilu. Il-prezzijiet tal-bonds baqgħu għoljin b’mod ġenerali.
L-iktar indiċi finanzjarju Ewropew li ra żieda s’issa din is-sena hu dak tad-Danimarka. Dan hu segwit mill-Belġjan u Norveġiż.
Għall-kuntrarju, l-iktar indiċi li raw telf kienu tal-Portugall u tal-Awstrija.
Il-prezz tad-deheb sa issa fl-2014 ra żieda ta’ 3% fil-valur filwaqt li dak taż-żejt ħa tisbita kbira u naqas bi kważi 24%.
L-ewro kompla jbatti mad-dollaru Amerikan hekk kif l-ekonomija Amerikana qed tibqa’ tkun ikkunsidrata bħala l-mutur ekonomiku ewlieni fid-dinja.
Il-kumpanija Caterpillar ħabbret profitti tajbin u dan wassal biex il-valur tal-ishma għola. Il-prezz spara minn 90 għal 99 f’temp ta’ ġimgħa.
Michelin, kumpanija internazzjonali li timmanifattura tyres, rat tnaqqis fil-bejgħ li wassal sabiex l-ishma tilfu kważi 6% fil-valur tagħhom fl-aħħar jiem.
Amazon ma laħqux l-estimi li xtaqu kemm bħala bejgħ kif ukoll bħala profitti. Hekk malli ħarġet l-aħbar, l-ishma ta’ Amazon tilfu 10% fil-valur tagħhom.
Is-swieq Amerikani Nasdaq u S&P 500 irreġistraw żidiet tajbin fl-aħħar jiem u prattikament laħqu l-livelli li kienu fihom fil-bidu ta’ Ottubru. Konna ilna snin ma naraw volatilità tant b’saħħitha.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250
L-informazzjoni u ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment