Indian Express ma jitħalliex jitlaq minn Malta; l-ekwipaġġ għall-Qorti għada

Fil-Qorti għada se jibda jinstema’ l-każ tal-multimiljunarju Indjan Vijay Mallya li s-superyacht tiegħu ma tħalliex jitlaq minn Malta wara li naqas milli jħallas lill-membri tal-ekwipaġġ aktar minn €650,000.
L-Indian Express, superyacht ta’ 95 metru, stmat li jiswa $93 miljun ġie mwaqqaf mill-uffiċjali Maltin milli jsalpa ‘l barra mill-Port il-Kbir nhar it-Tlieta li għaddiet wara li l-ekwipaġġ irrapporta l-każ u bdew proċeduri legali biex jieħdu l-paga li fadlilhom jirċievu.
Jidher li aktar minn 40 membru tal-ekwipaġġ, li jinkludu bosta Indjani, Ingliżi u ħaddiema mill-Lvant tal-Ewropa, ilhom ma tħallsu minn Settembru li għadda.
Rapporti fuq gazzetta lokali qalu wkoll li uħud mill-membri tal-ekwipaġġ li ilhom jaħdmu fuq il-vapur, huma dovuti sa $92,000 f'pagi mhux imħallsa.
Vijay Mallya se jkun irrappreżentat fil-Qorti mill-avukati Joe Sammut u Gianella Farrugia.
Mallya, wieħed mis-sidien tat-tim Force India Formula One kien ġie arrestat f’Londra s-sena l-oħra fuq allegazzjonijiet li kien issapportja lit-tim tal-F1 b’ħasil ta’ flus.
L-awtoritajiet Indjani qed ifittxu għall-estradizzjoni tiegħu biex jiffaċċja każi kontrih fl-Indja.
Il-Membri tal-ekwipaġġ qed ikunu rrappreżentati mill-avukat Malcolm Mifsud.
Ritratt: Emmanuel.L, shipspotting.com