“Indaħħal mill-ġdid il-kliem ‘omm’ u ‘missier’ fil-liġi” – Chris Said

Il-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Chris Said, wiegħed li Gvern Nazzjonalista mmexxi minnu jerġa’ jintroduċi l-kliem “omm” u “missier,” biswit it-terminu ġeneriku “ġenituri” fil-Liġi taż-Żwieġ.
Il-kliem “omm” u “missier” tneħħew mil-Liġi meta x-xahar li għadda l-Gvern u l-Oppożizzjoni, ħlief għad-Deputat Edwin Vassallo, ivvutaw favur l-Abbozz ta’ Liġi li emenda dan l-Att.
Fi stqarrija, Said qal li jekk ikun elett Kap tal-Partit Nazzjonalista u jsir Prim Ministru, mingħajr ma jiftaħ dibattitu jew inkella jpoġġi f’riskju d-drittijiet ta’ persuni gay, se jassigura li dawn it-termini jerġgħu jkunu introdotti fil-Liġi Maltija.
Chris Said fakkar li hu, flimkien mal-Partit Nazzjonalista, żamm mal-wegħda tal-programm elettorali, u vvota favur iż-żwieġ bejn żewġ persuni tal-istess sess.
Minkejja dan saħaq li l-Att kif emendat “faqqar” il-liġijiet u ta daqqa ‘l isfel lill-aktar żewġ irwoli importanti tas-soċjetà.
Huwa insista li raġel gay għandu dritt li jissejjaħ missier u mara f’relazzjoni ma’ mara oħra għandha dritt tissejjaħ omm.