InċidentPaqpaqli: 26 iweġġgħu…5 fil-periklu tal-mewt

Tela’ għal 26 in-numru ta’ persuni li weġġgħu waqt l-10 edizzjoni ta’ Paqpaqli għall-Istrina f’Ħal Farruġ

5 persuni jinsabu fil-periklu tal-mewt, bi 2 minnhom bħalissa qed jiġu operati.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaddejja bħalissa, is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne flimkien mat-tmexxija ta’ Mater Dei, qalu li fl-isptar iddaħħlu 19-il persuna feruti, b’4 minnhom diġà ntbagħtu d-dar. 

9 pazjenti oħra ttieħdu għall-kura fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid. 

L-ispettaturi mweġġa’ ġarrbu feriti f’rashom, fil-qafas ta’ sidirhom u anke ksur f’partijiet oħra ta’ ġisimhom. 

Wieħed mill-pazjenti li ddaħħal l-isptar kien is-sewwieq tal-karozza. 

It-telefonata ta’ għajnuna saret fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar, b’fuq il-post b'kollox marru 6 ambulanzi tal-isptar.  3 ambulanzi tas-Salib l-Aħmar kienu diġà fuq il-post.

Ilkoll flimkien, l-ambulanzi għamlu 17-il vjaġġ lejn l-isptar.

Ħelikopter tal-Forzi Armati ta' Malta ħa wkoll pazjent lejn l-isptar.

Dr Fearne rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-isptar u lill-voluntiera li kienu fuq il-post tal-inċident. Qal li  s-sitwazzjoni f’Mater Dei ġiet lura għan-normal, bit-Taqsima tal-Emerġenza nqasmet f’żewġ partijiet, waħda biex tgħin lill-feruti tal-inċident u l-parti l-oħra biex tkompli taqdi lin-nies l-oħra.