Inċidenti, toroq mgħarrqa u l-għoti tad-demm f’Malta

L-app li tindikalek fejn hemm it-traffiku fit-toroq madwar Malta u Għawdex issa ġiet aġġornata b’aktar features. 
Il-mappa li fuqha hi bbażata l-app MRTU issa qed tinkludi mill-ewwel meta jseħħ inċident tat-traffiku u l-postijiet fejn wieħed jista’ jagħti d-demm. 
L-app hi popolari l-aktar mas-sewwieqa għall-immedjatezza biex tavża lis-sewwieqa fejn ikun hemm it-traffiku.
Barra minn hekk, Transport Malta għandha wkoll aċċess għall-app biex timmarka t-toroq li jkunu magħluqin, permezz ta’ cones oranġjo.
L-app tintuża billi jittella’ ritratt, tingħata deskrizzjoni, u jiġi indikat l-andament tat-traffiku.
Meta l-amministraturi jibagħtu notifika dwar toroq magħluqa jew traffikużi, is-sewwieqa jiġu avżati b’ħoss ta’ ħorn.
B'din l-app tista' ssib lista ta' numri tat-telefown li jista' jkollok bżonn f'każ ta' emerġenza, fosthom tal-pulizija, tal-protezzjoni ċivili, tal-gwardjani lokali, ta' Transport Malta u tal-isptar.
MRTU saret mill-kumpanija Vioside u hi mmexxija mill-imħuħ wara l-paġna Maltese Roads Traffic Updates fuq Facebook.
L-app tista’ titniżżel b’xejn fuq iOS u Android.