Inċidenti ta’ intolleranza reliġjuża tul l-Avvent fl-Indja

Ċerimonja bi tħejjija għall-Milied imħassra b'inċidenti vjolenti

Matul il-ġimgħat tal-Avvent fl-Indja seħħew diversi inċidenti ta’ intolleranza fil-konfront tal-minoritajiet reliġjużi fil-pajjiż.

Dan seħħ waqt li fil-pajjiż qed isiru protesti kbar wara li kienet approvata Liġi li temenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza li tiddiskrimina fl-għoti taċ-ċittadinanza Indjana billi tiċħadha lir-refuġjati Musulmani. Fl-istess waqt il-komunitajiet insara qed jikkundannaw atti u episodji li jiksru d-dritt tal-libertà tal-prattika reliġjuża fid-diversi stati Indjani.

L-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES irrappurtat li fis-17 ta’ dan ix-xahar, laqgħa li matulha kienu qed isiru innijiet u għanjiet tal-Milied fil-belt ta’ Tamil Nadu, kienet interrota ħesrem meta ħamest irġiel attakkaw lil dawk preżenti fosthom żagħżugħ ta’ 17-il sena.

Il-Kappillan Protestant, li jmexxi din il-komunità, ġabar numru ta’ nsara biex jiċċelebraw l-Avvent u kien hemm li seħħ dan l-attakk u meta l-għada xi nsara marru jagħmlu rapport fl-għassa tal-Pulizija, ma kienux aċċettati.

Vjolenza kbira

L-Organiżazzjoni Mhux Governattiva, “Christian Solidarity Worldwide”, li fost affarijiet oħra  timmonitorja s-sitwazzjoni tal-minoranzi reliġjużi fl-Indja, qalet lill-FIDES li “l-episodji ta’ intolleranza lejn il-fidi nisranija fil-belt ta’ Tamil Nadu fl-aħħar snin, żdiedu sew”.

Nehemiah Christie, attivist lokali favur id-drittijiet tal-bniedem qal li “il-livell ta’ intolleranza li qed naraw illum fl-Indja hu bla preċedent. L-insara ma jistgħux jiċċelebraw għax jibżgħu mill-vjolenza. Fil-prinċipju, it-tmexxija politika attwali għandha tinżamm responsabbli għaliex qed tmexxi narrattiva falza fuq il-minoritajiet reliġjużi.  Illum, il-velenu li ppenetrat fil-livell bażiku tas-soċjetà hu mifrux ma’ kullimkien.  Il-pulizija huma kompliċi wkoll u r-rapporti li jsirulhom ma jeħduhomx bis-serjetà. F’ħafna każi, it-tbatija titwarrab, il-vjolenza ma tkunx kastigata u l-poplu jibqa’jgħix fil-biża’”.

Skont il-“Christian Solidarity Worldwide” hu ta’ nkwiet kbir li wieħed jara li l-vaganzi reliġjużi jitħarbtu minn dawk li jridu jiżirgħu ż-żerriegħa tal-konfrontazzjoni u n-nuqqas ta’ ftehim fl-Indja. Id-dritt li wieħed jipprattika r-reliġjontiegħu hu dritt fundamentali. Għalhekk inħeġġu lill-awtoritajiet biex jieħdu l-passi meħtieġa kontra dawn l-inċidenti u jmexxu ‘l quddiem kultura ta’ rispett reċiproku”.