Inċident waqt logħba tal-Youth FA; Ma kienx hemm paramediku

Il-logħba tal-Youth FA Under 17, bejn Birkirkara u l-Ħamrun, bdiet mingħajr paramediku preżenti fil-grawnd ta’ Birżebbuġa u għalhekk ma kienx hemm min jagħti l-ewwel għajnuna f’inċident li nqala’.
Dan qajjem diskussjoni fost ħafna li attendew u jsegwu dawn il-partiti.
Min-naħa tagħha, il-kumpanija li għal kull logħba tal-Youth FA toffri s-servizz tal-parademiku, spjegat li l-paramediku li kellu jkun preżenti kellu inċident fit-triq għal-logħba u għalhekk ma setax ikun preżenti.
Kien għalhekk li minfloku ntbagħat paramediku ieħor iżda dan ma laħħaqx wasal sal-ħin tal-inċident.
Fil-logħbiet kompetittivi dejjem ikun hemm ground inspector on duty, li fost affarijiet oħra wieħed mid-dmirijiet tiegħu hu li jiżgura li l-grada biex tidħol fil-grawnd tkun imsakkra. 
Ġara li meta seħħ l-inċident, ir-referee ta l-approvazzjoni tiegħu biex ġenitur ikun jista’ jagħti l-ewwel għajnuna iżda l-grada kienet għadha msakkra.
Sakemm infetħet, il-ġenitur laħaq qabeż fil-grawnd, bl-approvazzjoni tar-referee.
Intant, il-Youth FA bdiet investigazzjoni interna rigward dan l-inċident biex tara kif affarijiet bħal dawn jistgħu jiġu evitat.