Aġġornata (2): 4 persuni jindarbu wara ħabta f’Wied il-Għajn

Raġel weġġa’ gravi filwaqt li tlieta oħrajn indarbu ħafif wara li żewġ karozzi kienu involuti f’inċident tat-traffiku f’Wied il-Għajn.

Kelliem għall-Pulizija qal ma’ Newsbook.com.mt li l-inċident seħħ għat-8pm. Ambulanza u membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ntbgħatu fuq il-post. L-inċident seħħ fi Triq il-Bajja ta’ San Tumas.

Il-ħabta seħħet bejn karozza misjuqa minn żagħżugħ ta’ 20 sena residenti Marsaxlokk u karozza misjuqa minn Taljan ta’ 34 sena residenti Wied il-Għajn. Mat-Taljan kien hemm żewġ persuni oħrajn, Taljana ta’ 35 sena u Taljan ta’ 34 sena, it-tnejn residenti Wied il-Għajn.

Il-persuni kollha involuti fl-inċident ittieħdu l-Isptar Mater Dei fejn aktar tard ġie ċ-ċertifikat li raġel ta’ 34 sena weġġa’ gravi, filwaqt li l-oħrajn kollha ndarbu ħafif.

Ftit qabel, tifla ta’ 10 snin mietet minħabba inċident tat-traffiku separat li seħħ fil-Manikata.

Tmut tifla ta’ 10 snin f’ħabta bejn 2 karozzi fil-Manikata