Ħabta fil-Mellieħa; raġel bi ġrieħi serji

Raġel weġġa’ serjament wara ħabta frontali fil-Mellieħa matul il-lejl li għadda.
Fi stqarrija, l-Pulizija spjegat kif f’12:15am, xufier Ingliż ta’ 36 sena, residenti San Pawl il-Baħar, li kien qed isuq fid-direzzjoni lejn iċ-Ċirkewwa, tilef il-kontroll tal-karozza, tela’ fuq is-central strip u spiċċa fuq in-naħa opposta ta’ Triq il-Marfa, bil-konsegwenza li ħabat ma’ karozza oħra.
Il-karozza l-oħra kienet misjuqa minn raġel Taljan ta’ 29 sena, residenti San Pawl il-Baħar li spiċċa maqbud fil-karozza, tant li kellhom jissejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex seta’ jinħareġ.
Fuq il-post issejħu l-Pulizija flimkien ma’ żewġ ambulanzi li ħadu lill-iriġiel l-Isptar Mater Dei fejn it-Taljan ġie ċċertifikant li qiegħed isofri minn grieħi serji u l-Ingliż weġġa’ ħafif.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr J Demicoli, li ordnat inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.