Aġġornata: Jinħarġu akkużi kontra r-raġel fl-inċident tal-vjolenza domestika f’Tas-Sliema

Wara li rċeviet kritika minn numru ta’ għaqdiet, il-Pulizija qalet li ħarġet akkużi fil-konfront ta’ raġel li deher isabbat ma’ bieb f’Tas-Sliema li kien sejjer jaggreddixxi l-sieħba tiegħu.

Tmien għaqdiet li jaħdmu favur id-drittijiet tan-nies kritikaw bl-aħrax in-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tal-Pulizija wara filmat li spiċċa online fejn juri raġel irrabjat sejjer jaggreddixxi lis-sieħba tiegħu f’Tas-Sliema. L-għaqdiet talbu lill-awtoritajiet ikkonċernati biex jinvestigaw b’effett immedjat u jieħdu l-azzjoni neċessarja. Huma talbu wkoll l-Gvern jinvestiga u jagħti spjegazzjoni għalfejn l-awtoritajiet rispettivi naqqsu milli jieħdu tali azzjoni.

Fi stqarrija konġunta l-għaqdiet saħqu li jinsabu ddiżapuntati li l-Pulizija ma ħadet l-ebda azzjoni kontra r-raġel li seta’ ġie ddentifikat mill-filmat. Huma fakkru kif każijiet ta’ vjolenza domestika huma reat kriminali u ma għandhomx bżonn li l-persuni li soffri l-attakk tagħmel rapport mal-Pulizija biex tipproċedi kontra l-allegat aggressur.

Fi stqarrija maħruġa s-Sibt, il-Pulizija qalet li tiċħad li ma ħadet l-ebda azzjoni dwar dan il-każ. Skont il-Pulizija, it-Tnejn 25 ta’ Frar il-Pulizija “rrappurtaw” fuq rapport ta’ vjolenza domestika. Instab, li kien seħħ reat ta’ vjolenza domestika ġewwa negozju. Skont il-Pulizija, sid in-negozju ma xtaqx jieħu azzjoni legali kontra l-aggressur fir-rigward tal-ħsara “minima” li saret fuq il-proprjetà tiegħu. Fi kliem il-Pulizija, il-vittma tal-vjolenza domestika ma riditx tikkoopera magħha u ma riditx tidentifika l-aggressur. Il-Pulizija qalet li identifikat l-aggressur u ħarġet l-akkużi fil-konfront tiegħu.

L-għaqdiet saħqu li ladarba l-każ ikollu l-attenzjoni tal-awtoritajiet, dawn għandhom l-obbligu li jinvestigaw u li jieħdu l-azzjoni neċessarja mingħajr bżonn ta’ rapport mingħand il-vittma.

Fl-istqarrija l-għaqdiet spjegaw li minn żmien għal żmien nisimgħu b’każijiet ta’ nisa li jgħidu li l-Pulizija rrifjutat tieħu r-rapport li jkunu għamlu, li tinvestiga jew li tressaq il-persuni b’rabta mal-każ tagħhom. Komplew jispjegaw kif in-nuqqas ta’ azzjoni dwar dan il-każ tkompli tikkonferma l-istejjer tan-nisa l-oħra.

L-għaqdiet qalu li l-vjolenza domestika għandha tqajjem tħassib fil-pubbliku u mhix każ ta’ materja privata. Sostnew li mhux aċċettabbli li wieħed ma jinvestigax għax persuna ma tkunx għamlet rapport, minħabba li f’Malta l-liġijiet jgħidu mod ieħor u jobbligaw lill-Pulizija tipproteġi l-allegat vittmi.

L-istqarrija kienet iffirmata minn l-Assoċjazzjoni għall-Ugwaljanza, il-Fondazzjoni Dar Merħba Bik, Fondazzjoni Sebħ, il-Konfederazzjoni tal-Għaqdiet tan-Nisa f’Malta, l-Assoċjazzjoni tan-Nisa fin-Negozju, l-Irġiel Kontra l-Vjolenza, il-Fondazzjoni St, Jeanne Antide u l-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa.