Inċident Paqpaqli: Raġel għadu fil-periklu tal-mewt

Aktar minn xahar wara l-inċident waqt l-attività Paqpaqli għall-Istrina, ir-raġel ta’ 55 sena mill-Fgura għadu jissielet għall-ħajtu.
Ma’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Pulizija kkonfermat li fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei, għad fadal raġel fil-periklu tal-mewt.
Wara l-inċident, li fih supercar Porsche, kienet tilfet il-kontroll u baqgħet dieħla f’għadd ta’ persuna, kienu weġġgħu 26 persuna.
Il-ħames persuni l-oħra li kienu fil-periklu li jitilfu ħajjithom, fosthom omm u bintha ta’ sitt snin, kienu nħarġu mill-ITU ftit tal-jiem wara.
Issa, kelliema għas-Segretarjat Parlamentari tas-Saħħa, ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt, li kollha kemm huma ħarġu mill-isptar.
Fost il-persuni li kienu l-Isptar, kien hemm is-sewwieq John Bailey, li ħareġ ftit tal-jiem wara, u kien ukoll investigat mill-Pulizija. Bailey tħalla jħalli Malta bill-patt u l-kundizzjoni li jirritorna Malta jekk ikun imsejjaħ.
Mill-aħħar informazzjoni li għandu dan is-sit, jirriżulta li l-investigazzjoni dwar dan l-inċident għadha għaddejja.