Veloċità eċċessiva u nuqqas ta’ ħila tas-sewwieq wasslu għall-inċident ta’ Paqpaqli

Il-veloċità eċċessiva u n-nuqqas ta’ ħila tas-sewwieq Paul Bailey huma l-kawża primarja li wasslu għall-inċident ta’ Paqpaqli.
Mill-inkjesta ta’ 1,700 faċċata u li fiha ħadu sehem 13-il espert, irriżulta wkoll li kien hemm nuqqas ta’ miżuri ta’ saħħa u sigurtà u li kien hemm diversi difetti fic-circuit.
Waqt press briefing dwar l-inkjesta, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici saħaq li l-President ta’ Malta ma kienet bl-ebda mod involuta fl-organizzazzjoni tal-avveniment u lanqas fil-laqgħat preparatorji.
“Il-President kienet involuta biss sal-punt li l-avveniment sar taħt l-awspiċi tagħha u daqshekk,” spjega l-Ministru.
Mill-inkjesta ħareġ li Paul Bailey kien qiegħed isuq b’veloċita eċċessiva. Apparti minn hekk l-esperti kkonkludew li s-sewwieq għandu nuqqas ta’ esperjenza u ħila għaż-żamma u l-kisba lura tal-kontroll tal-vettura.
“Jirriżulta li s-sewwieq huwa dilettant u kollezzjonist kbir tal-vetturi Hybrid, ma tirriżultax li dik is-sengħa u l-ħila speċjali li wieħed għandu jkollu sabiex isuq dawn il-vetturi b’ċerta veloċità."
Mistoqsi jekk Bailey hux se jiġi lura Malta, il-Ministru wieġeb li Bailey kien qabel li malli jinħarġu l-akkużi, huwa għandu minn jeddu jirritorna lura Malta.
L-inkjesta qalet li l-kawżi sekondarji li wasslu għall-inċident, huma responsabbilità tal-Kumitat li organizza dan l-avveniment.
Il-Ministru Bonnici spjega li bħalissa l-Pulizija għaddejja bi proċess biex il-membri tal-Kumitat Organizattiv jitressqu l-qorti u jwieġbu għar-reati differenti, skont ir-responsabbilità li kull membru kellu.
Fost in-nuqqas ta’ miżuri ta’ sigurtà, l-inkjesta ssemmi li ma kienx hemm pjazzament ta’ conrete barriers, fuq in-naħa fejn kien hemm il-pubbliku, biex iżommu kwalunkwe vettura. L-inkjesta sabet ukoll li lanqas ma sar Safety Plan u Risk Assessment.
Fost l-affarijiet l-oħra li spikkaw kien hemm il-fatt li l-Kumitat Organizzativ ma kkonsultax mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-isptar Mater Dei fuq il-miżuri li kellhom jittieħdu f’każ ta’ inċident. Minkejja li fil-Kumitat kien hemm żewġ membri tal-Forzi Armati, ma jidher li kien hemm ħadd mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Ic-circuit li ntużat waqt l-attività, lanqas ma kienet iddisinjata għal vetturi bħal ma kienet il-Porsche involuta fl-inċident.
L-esperti sabu wkoll li l-layout tal-water barriers kellhom ikunu bil-kontra. Dan biex meta l-karozza tgħaddi minn madwarhom, f’każ ta’ “oversteer on exit,” tiġi tħares lejn il-ħaxix u mhux diretta lejn il-pubbliku.
Is-sewwieq u anke membri mill-Kumitat Organizzattiv, mistennija jitressqu l-qorti fil-jiem jew il-ġimgħat li ġejjin, malli l-Pulizija fuq parir tal-Avukat Ġenerali, joħorġu l-akkużi.
Dakinhar tal-inċident kienu weġġgħu 23 persuna. Erbgħa minnhom kienu fil-periklu tal-mewt, sitta oħra weġġgħu gravi. 13-il persuna oħra sofrew ġrieħi ħfief.