Inċident Paceville: Il-Maġistrat tibgħat ukoll għall-ġenituri tat-tfal li kienu ġewwa

Fl-inkjesta maġisterjali li saret biex tistabbilixxi l-fatti kif ġraw fl-inċident f’Paceville, il-Maġistrat Dr Doreen Clarke talbet biex anke l-ġenituri tat-tfal li kienu għadhom m’għalqux is-17-il biex jagħtu x-xhieda tagħhom fil-Qorti.
Fl-istabbiliment kien hemm minn tal-inqas 34 persuna li kienu taħt l-età li l-maġġoranza tagħhom tħallew jidħlu fi Plus One mingħajr ħadd ma waqqafhom jew talabhom il-karta tal-identità.
Irriżulta wkoll li uħud minn dawn il-persuni taħt l-età xorbu alkoħol mibjugħ lilhom minn ġo Plus One stess.
Minbarra l-ġenituri tat-tfal li kienu taħt l-età, matul il-kors tal-inkjesta nstemmgħu anke x-xiehda ta’:

  • persuni li huma nvoluti fit-tmexxija ta’ Plus One;
  • persuni li kienu nvoluti fis-servizzi ta’ sigurtà fi Plus One;
  • persuni kienu qed jaħdmu fi Plus One (DJs, bar tenders, etc);
  • persuni oħra li kienu fl-istabbiliment bħala klijenti;
  • rappreżentant tal-Malta Tourism Authority;
  • rappreżentant tal-ETC;
  • u oħrajn.

Uħud mill-ħaddiema bla liċenzja u mhux reġistrati mal-ETC
L-inkjesta uriet ukoll li mhux il-persuni kollha li jaħdmu bħala uffiċjali tas-sigurtà u impjegati li kienu jaħdmu fl-istabbiliment għandhom liċenzja biex jaħdmu bħala gwardjani privati.
Saħansitra uħud minnhom kienu anke jaħdmu mingħajr ktieb tax-xogħol.
Fil-ħin tal-inċident, li seħħ fil-15 ta’ Novembru li għadda, fl-istabbiliment kien hemm minn tal-inqas 450 persuna li huwa iktar mid-doppju ta' kemm jesa' l-post.