Inċident ieħor fi Triq l-Imġarr

Karozza nqalbet fi triq l-Imġarr f’Għawdex.

Il-każ seħħ ftit qabel it-3am, fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, ftit qabel ir-roundabout qrib il-Knisja tal-Ħniena fix-Xewkija.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li fuq il-post issejħu l-Pulizija u żewġ ambulanzi. Fortunatament ħadd ma weġġa’ gravi fl-inċident.

Madanakollu din it-triq ilha kalamita għal inċidenti tat-traffiku għal żmien twil.

F’Awwissu li għadda mara tilfet ħajjitha wara inċident bejn żewġ karozzi fis-1am u li ħalla wkoll 9 persuni feruti.

Fid-dawl ta’ dan l-inċident, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li hemm pjan għal Triq l-Imġarr, li fi kliemha diġà beda jitwettaq sabiex ma jkunx hemm iktar fatalitajiet. Il-Ministru qalet li uffiċjali tal-Ministeru għal Għawdex, bl-approvazzjoni ta’ Transport Malta, ħadmu fuq pjan tal-immaniġġjar tat-traffiku għat-triq. Qalet ukoll li ġie ordnat apparat ieħor li se jkun jista’ jiggwida lis-sewwieqa, minkejja li insistiet li l-aħjar soluzzjoni tibqa’ s-sewqan responsabbli.

Minn naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Għajnsielem Kevin Cauchi qal li minkejja li qed jittieħdu għadd ta’ miżuri mill-awtoritajiet, hemm bżonn miżuri aktar drastiċi biex jikkalma t-traffiku kif ukoll aktar infurzar mill-gwardjani lokali u mill-Pulizija.

Is-Sindku preċedenti tal-istess lokalità, Franco Ciangura kien ippropona li tiġi installata speed camera f’din it-triq li mill-port tal-Imġarr twassal għar-Rabat.

Din il-proposta ma waqgħetx fuq widnejn torox għax għall-mistoqsija parlamentari mid-deputat Għawdxi Kevin Cutajar, il-Ministeru għall-Intern Michael Farrugia qal li qed isiru l-arranġamenti biex il-Pulizija kollha f’Għawdex ikollha l-apparat teknoloġiku biex tuża l-ispeed cameras.

Informazzjoni li kien ħareġ il-Ministru Farrugia f’seduta oħra Parlamentari, turi li bejn l-2013 u l-31 ta’ Marzu tal-2019 seħħ inċident fatali wieħed u 84 ieħor ħallew persuni midruba fi Triq l-Imġarr bejn Għajnsielem u x-Xewkija.