Filmat: Tnejn fil-periklu tal-mewt f’inċident f’kamra tan-nar f’Ħaż-Żebbuġ

Fl-aħħar ħin seħħ inċident f’kamra tan-nar f’Ħaż-Żebbuġ li tinsab viċin Wied Qirda. Żewġ persuni jinsabu fil-periklu tal-mewt.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li l-inċident seħħ għall-ħabta tat-3.30pm fil-kamra tan-nar ta’ San Ġużepp. Jidher li l-inċident seħħ hekk kif sploda xi fdal tal-isplussiv li kien qed jintrema ‘l barra mill-kamra fejn jinħadem in-nar.

Kelliema għall-Pulizija kkonfermat li żewġ persuni ttieħdu b’urġenza lejn l-Isptar Mater Dei fejn irriżulta li ġarrbu ġrieħi serji.

Il-Kumitat Eżekuttiv tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan qal li l-inċident seħħ hekk kif kien qed jinħaraq skart pirotekniku tas-snin imgħoddija barra mill-Kumpless tan-Nar tas-soċjetà u ndarbu żewġ persuni liċenzjati. Il-kumitat appella biex tinżamm il-kalma u ma jsirx tixrid ta’ informazzjoni skorretta.

Uffiċjali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili flimkien mas-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta jinsabu fuq il-post.