Inċident fatali u 84 bi ġrieħi fi Triq l-Imġarr

Google Maps

Bejn l-2013 u l-31 ta’ Marzu tal-2019 seħħ inċident fatali wieħed u 84 ieħor ħalla persuni midruba fi Triq l-Imġarr bejn Għajnsielem u x-Xewkija.

Dan qalu l-Ministru għall-Intern Michael Farrugia fil-Parlament waqt li kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Chris Said. Said staqsa kemm-il inċident seħħ fi Triq l-Imġarr mill-1 ta’ Jannar tal-2013 li fih persuni sfaw feruti ħafif jew gravi u kemm-il persuna tilfet ħajjitha f’dawn l-inċidenti.

Aqra: Tnejn l-isptar wara ħabta fi Triq l-Imġarr

Farrugia spjega li kien hemm total ta’ 85 inċident tat-traffiku rreġistrat f’dan il-perjodu. Fl-2013 kien hemm 9 inċidenti. Fl-2014 kien hemm 21 inċident. Fl-2015 kien hemm 14-il inċident, b’wieħed minnhom ikun fatali. Fl-2016 kien hemm disa’ inċidenti. Fl-2017 kien hemm 15-il inċident. Fl-2018 kien hemm 13. Filwaqt li sal-31 ta’ Marzu tal-2019, ġew irrapurtati erba’ inċidenti fi Triq l-Imġarr.

Aqra: Triq l-Imġarr: 3 imutu, 9 gravi u 62 b’feriti ħfief

X’kienu wħud minn dawn l-inċidenti?

F’Jannar ta’ din is-sena biss, kien hemm total ta’ tliet inċidenti fi Triq l-Imġarr fi spazju ta’ erbat ijiem. Taljan weġġa’ gravi wara inċident bil-mutur. Hu kien ħabat ma’ karrozza misjuqa minn mara ta’ 67 sena minn Għajnsielem stess. Intant żewġ persuni ttieħdu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ftit jiem wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fl-istess triq. Iż-żewġ persuni ġarrbu ġrieħi ħfief.

Aqra: Aġġornata: Raġel gravi wara ħabta b’mutur fi Triq l-Imġarr

Imbagħad, fi Frar tal-2018 tifel ta’ 3 snin kien iddaħħal l-Isptar Ġenerali t’Għawdex bi ġrieħi gravi, u anzjan kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei b’ħelikopter wara li weġġa’ serjament f’inċident tat-traffiku bejn żewġ karozzi. Aktar kmieni fl-istess xahar kienet seħħet ħabta bejn 5 karozzi.