Inċident fatali: Il-Maġistrat jibagħtu jgħin lil Puttinu fejn hemm ibnu

Raġel ta’ 38 sena, li għandu ibnu juża s-servizzi ta’ Puttinu Cares, intbagħat jikkontribwixxi b’480 siegħa ma’ Puttinu wara li nstab ħati li kkaġuna l-mewt ta’ raġel ieħor minħabba traskuraġni fis-sewqan.
Fil-Qorti nstema’ kif Jeremy Cilia wassal għall-mewt ta’ Jesmond Scicluna, meta fil-11 t’April t’għaxar snin ilu baqa’ ħiereġ minn fuq stop sign bil-vettura tiegħu għal fi triq ewlenija.
Dak il-ħin, Scicluna kien għaddej b’mutur mit-triq ewlenija, Triq is-Siġġiewi f’Ħaż-Żebbuġ, u xħin ra li l-vettura ta’ Cilia se tibqa’ ħierġa prova jiskansaha billi ġibed għan-naħa l-oħra tat-triq, iżda sab ma’ wiċċu trakk tax-xogħol.
Il-Qorti użat is-servizz tal-espert tat-traffiku Mario Buttigieg, u dan ikkonkluda li għalkemm Cilia kien traskurat meta ma waqafx fuq l-istop sign, daqstant il-mejjet kien għaddej b’veloċità eċċessiva.
Kien għalhekk li waqt l-andament tas-sentenza, il-Qorti kellha teżamina bejn verżjonijiet differenti tal-inċident fatali.
Dan għaliex il-prosekuzzjoni argumentat li Cilia kellu jirrispondi għall-mewt ta’ Scicluna, iżda Cilia ċaħad li hu kien il-kawża ewlenija għall-mewt ta’ Scicluna.
Barra minn hekk, ma kienx hemm persuni indipendenti li raw il-każ iseħħ, u l-vittma ma laħaqx tkellem għax miet.
Il-Maġistrat Mifsud sostna li l-ħajja mhix irħisa, lanqas jekk tittieħed b’mod involuntarju, u għalhekk ta s-sentenza msemmija.
Apparti dan, Cilia weħel €5,000 multa u ġietlu sospiża l-liċenzja tas-sewqan għal sentejn u nofs.