Mara tqila u tarbija ta’ 6 ijiem l-isptar wara inċident fil-Mosta

Aġġornat 06:18 PM
Malta Roads Traffic Updates

Għadd ta’ persuni weġġgħu f’inċident tat-traffiku fil-Mosta li fih kien hemm involuti 5 karozzi, bi tnejn minnhom kienu ipparkjati. L-inċident seħħ fi Triq il-Kostituzzjoni, it-triq prinċipali tal-Mosta. Fost il-persuni li ttieħdu l-isptar hemm mara tqila u tarbija ta’ sitt ijiem.

Kelliema għall-Pulizija qalet li l-inċident seħħ fil-4.40pm u t-triq ingħalqet għat-traffiku.

Ambulanza ssejħet fuq il-post biex ħadet lill-vittmi l-Isptar Mater Dei.

Il-mara tqila kienet qed issuq waħda mill-karozzi. Il-Pulizija kkonfermaw li għandha 28 sena ta’ nazzjonalità Bulgara u toqgħod San Pawl il-Baħar. It-tarbija li ttieħdet l-isptar kienet fil-karozza pparkjata li kellha lil raġel ta’ 25 sena mill-Fgura bħala xufier. Sa issa għadha mhix magħrufa l-kundizzjoni tagħhom.

Il-karozzi l-oħra kienu misjuqa minn raġel mill-Mosta 18-il sena u raġel ieħor mill-Mosta ta’ 59 sena.