​Inċertezzi dwar ir-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit –Alfred Sant

L-Ewroparlamentari Alfred Sant qal li jeżistu inċertezzi kbar dwar il-qafas tar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit.
Huwa qal dan waqt l-intervent tiegħu fil-Parlament Ewropew fuq il-mozzjoni ‘Is-Sitwazzjoni attwali tan-negozjati mar-Renju Unit’.
Sant esprima s-sodisfazzjon tiegħu li n-negozjati tal-Brexit qed jagħmlu progress sodisfaċenti. Żied jgħid li “issa jistgħu jibdew it-taħdidiet fuq il-fażi li titratta r-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit.”
Fi kliem Sant, familji u kumpaniji mhux se jkunu jistgħu jagħmlu pjanijiet fuq il-bażi tat-termini ta’ divorzju li ntlaħqu l-ġimgħa l-oħra.
Spjega li dawn se jkunu jistgħu jagħmlu pjanijiet biss fuq kif l-UE u r-Renju Unit se jkunu qed jaħdmu flimkien. Sostna li ż-żmien biex dan jintlaħaq huwa qasir ħafna.
Fi kliem Sant il-perjodu biex jintlaħaq kif se jkunu qegħdin jaħdmu flimkien l-UE u r-Renju Unit huwa qasir ħafna. Huwa sostna li filwaqt jista’ jkun hemm perjodu tranżitorju ta’ sentejn dan mhux se jkun qiegħed jnaqqas mill-problemi ta’ dawk li jridu jippjanaw id-deċiżjonijiet tagħhom.