Aġġornata: Inċentivi fil-qrib għall-pensjoni privata

Fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jħabbar għadd ta’ inċentivi biex iħajjar lil kemm jista’ jkun nies biex jinvestu f’pensjoni privata.
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia, fil-Parlament, qal li kwalunkwe dħul mit-tielet pensjoni mhu se jkollu ebda impatt fuq id-dħul ta’ pensjonijiet oħra, ħlief li din tiżdied mad-dħul tal-individwu.
Il-Ministru kien qed jitkellem fil-ftuħ tad-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi dwar it-tielet pensjoni f’Malta fil-livell ta' Tieni Qari.
Spjega li l-abbozz ta’ liġi se jwassal biex il-Gvern ikun jista’ jdaħħal għadd ta’ inċentivi biex fil-pajjiż jidħol iktar sens ta’ tifdil u li dak li jkun jaħseb iktar għall-quddiem.
Spjega wkoll li l-Ministeru tal-Finanzi wettaq xogħol kunsiderevoli dwar dan, fosthom bit-twaqqif ta’ grupp ta’ tekniċi li kkonsulta ma’ għadd ta’ assoċjazzjonijiet. 

Reazzjoni mill-PN
Il-Partit Nazzjonalista qal li jaqbel mal-Gvern dwar l-introduzzjoni tat-tielet pilastru tal-pensjoni għalkemm iħoss li dak li qed jagħmel il-Gvern mhux biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet ta' pensjoni xierqa fil-futur.
Saħaq li hu  importanti li l-istat jassigura li kull ċittadin li jirtira, ikollu pensjoni xierqa biex din tagħti dinjità lill-anzjani.
Il-Kelliem tal-PN għas-Solidarjetà Soċjali Clyde Puli qal li l-Gvern qed jinjora r-rakkomandazzjonijiet li saru lill-Gvern preċedenti fl-2010 li dwarhom diġà kien hemm qbil mal-imsieħba soċjali. 
Il-Kelliem tal-PN għall-Finanzi Tonio Fenech esprima t-tħassib tiegħu li l-Gvern qed jipproponi xi ħaġa biex tissostitwixxi t-tieni pilastru, l-inċentivi li qed jingħataw mill-Gvern huma ftit wisq u li finalment iċ-ċittadin anzjan se jkun qed jieħu lura ftit wisq.