​Inbexxqu l-għatu fuq il-lista taċ-ċittadini ġodda

Wara li l-Gvern ippubblika l-lista ta’ dawk li saru ċittadini Maltin tul l-2016, Newsbook.com.mt beda janalizza l-kunjomijiet biex jara jsibx ħjiel min miċ-ċittadini l-ġodda xtara ċ-ċittadinanza u possibbilment min huma wħud minnhom.
Jekk wieħed jara l-kunjomijiet, jibda jinduna b’kunjomijiet li l-oriġini tagħhom hija minn pajjiżi fl-Ewropa tal-Lvant, l-Asja u pajjiżi Għarab.
Insibu kunjomijiet li jidher li għall-inqas fl-oriġini tagħhom, il-kunjom ġej mir-Russja, mill-Armenja, mit-Turkija, mill-Ażerbajġan, mill-Ġorġja, miċ-Ċina u mill-Għarabja Sawdija.
Pereżempju il-kunjom Oglu Asgarov huwa kunjom li probabilment ġej mill-Ażerbajġan, li miegħu l-Gvern għamel ħafna kuntatti. Chen huwa kunjom komuni ħafna f’pajjiżi Asjatiċi iżda l-oriġini tiegħu hija Ċiniża. Khan għandu oriġini Mongola, iżda llum komuni fid-dinja Musulmana. Kirienko ssibu l-aktar fl-Ukrajna.
Iżda l-kunjomijiet waħedhom mhux biżżejjed biex tasal għall-konklużjoni li dak li jkun xtara ċ-ċittadinanza. Hemm kriterju ieħor. Dan hu li jkollok diversi persuni bl-istess kunjom. Dan ikun sinjal li ċ-ċittadinanza nxtrat minn familja, kif ħafna drabi qed jiġri.
Pereżempju nsibu li bil-kunjom Oglu Asgrov hemm tliet persuni. Bil-kunjom Abu Klekha nsibu familja ta’ tmienja. Il-familja Alsager fiha aktar: hemm disgħa. Aktar minnhom hemm Kantarija, kunjom komuni fil-Ġorġja. Hemm 15-il persuna.
Filwaqt li Farrugia hemm 21, wieħed jista’ jassumi li dawn la huma oligarkiji Russi u lanqas xi xejkijiet Għarab!
Jekk wieħed jagħmel tiftix fuq Google bl-ismijiet isib affarijiet oħra interessanti.
Wieħed minn dawk li saru Maltin huwa Dimtry Taraba li isem bħalu jitla’ fil-Panama Papers. Huwa interessanti wkoll Javid Alkhas Oglu Asgarov li jaf ikun persuna oħra li ismu deher fil-Panama Papers, dan għaliex l-isem jidher biss bħala Alkhas Asgarov.
Dawn iċ-ċittadini Maltin kienu fl-aħbarijiet qabel l-elezzjoni ġenerali meta l-isem ta’ wħud minnhom deher fir-Reġistru Elettorali minkejja li ma kellhomx residenza f’pajjiżna.