Inawgurazzjoni tal-kwadru ġdid tal-Altar ta’ San Ġużepp

Hekk kif l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi ħabbru li setgħu jiġu ċċelebrati l-Festi tal-qaddisin b’mod ridott minn kif nafuh is-soltu, il-Ġużeppini Koppin ħasbu biex fiż-żmien qasir ta’ ftit ġimgħat jagħmlu l-almu taghħom biex iħejju kif jixraq Festa xierqa lill-maħbub Patrijarka San Ġużepp.

Din is-sena kellha tkun proprju waħda speċjali b’festa f’Marzu u oħra f’Lulju, minħabba li qed jitfakkar il-150 Anniversarju mill-Proklamazzjoni ta’ San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali.

Sfortunatament il-festa ppjanata f’Marzu tħassret hekk kif jumejn qabel ma bdew iċ-ċelebrazzjonijiet, ingħalqu l-knejjes bhala prekawzjoni mill-pandemija tal-Covid19.  Issa li nqalgħat l-opportunita` li ssir tifkira xierqa, se jsir minn kollox biex il-festa ta’ din is-sena wkoll tkun ċelebrazzjoni sabiħa ad unur San Ġużepp. 

Għalhekk, nhar il-Ħadd 12 ta’ Lulju fid-9.30am ser isir Pontifikal Solenni mill-Arċisqof l-E.T. Mons. Charles J. Scicluna fil-Knisja Parrokkjali.  Matul din il-funzjoni, ser jiġi inawgurat il-kwadru ġdid tal-Altar ta’ San Ġużepp, pittura taż-żagħzugħ Għawdxi Manuel Farrugia, li tirrappreżenta lil San Ġużepp jixhet il-Patroċinju tiegħu fuq il-Knisja Universali. 

Ta’ min jgħid li din il-pittura żgur li ser tkun l-isbaħ monument b’tifkira tal-anniversarju li qed jiġi ċċelebrat.  Wara l-inawgurazzjoni u t-tberik tal-kwadru, dawk preżenti jkunu mistiedna s-sede tas-Soċjetà Ġużeppina għal kxif ta’ lapida kommemorattiva u riċeviment.  Wara nofsinhar ser ikun hemm attivita` soċjali għaż-żgħazagħ bil-parteċipazzjoni ta’ DJ Ryan Spiteri. 

Imbagħad fis-7pm jibda Pellegrinaġġ bl-istatwa Artistika u Devota ta’ San Ġużepp mat-toroq tal-Parroċċa, bis-sehem tal-Fratellanza ta’ San Ġużepp u l-Banda San Ġużepp, li ser takkumpanja b’daqq ta’ innijiet reliġjużi. Fid-8.45pm isir id-dħul tal-istatwa fil-Knisja u tingħata l-Barka Sagramentali. Fid-9pm d-Dilettanti tan-Nar tas-St. Joseph Fireworks Factory jagħlqu Jum il-Festa bi ħruq ta’ salut, murtali tal-beraq pront, beraq tal-kulur, murtali tal-kulur, blalen u kaxxa infernali.  Kulħadd huwa mistieden li jattendi għal din il-Festa b’differenza. 

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb billi wieħed izur il-paġna ta’ Facebook tas-Soċjetà Mużikali San Ġużepp – Ħal Kirkop.

Din l-informazzjoni twasslet mis-Socjetà Muzikali San Ġużepp Ħal Kirkop.